Ġurnata wara t-tnedija għall-konsultazzjoni pubblika tal-Labour Migration Policy, bil-għan li jiġi rriformat il-mod kif jinġiebu f’pajjiżna ħaddiema minn pajjiżi terzi, li mhumiex mill-Unjoni Ewropea, l-Ambaxxatur Malti għall-Migrazzjoni, Malcolm Cutajar, spjega ma’ ONE News dak li se jkun qed isir.
Hu tenna kif, bħala pajjiż, nistgħu nippreżentaw din il-politika, għax, b’differenza minn snin ilu, is-sitwazzjoni nbidlet ekonomikament u s-suċċess ta’ dan wassal biex jinħolqu sfidi ġodda.
Cutajar saħaq li, permezz ta’ erba’ prinċipji ċari u 32 rakkomandazzjoni f’din il-Malta Labour Migration Policy, il-Gvern qed jimmira li r-riżultat aħħari jkun li jissaħħaħ il-kontroll tal-awtoritajiet Maltin f’dan il-proċess, filwaqt li jtejjeb il-ħarsien tal-ħaddiema kollha.
Dan biex filwaqt li tiġi rispettata d-dinjità ta’ kull ħaddiem, ma jkunx hawn kompetizzjoni inġusta fis-suq tax-xogħol, li tista’ anke tolqot ħażin lill-ħaddiem Malti.
“Wasalna f’sitwazzjoni fejn nistgħu nippreżentaw din il-policy, għax għad-differenza tas-snin ta’ qabel, aktar minn għaxar snin ilu, kellna sitwazzjoni fejn kien hawn qgħad fil-pajjiż u l-problema kienet biex niġġeneraw ix-xogħol għall-Maltin u l-Għawdxin. Illum għandna sitwazzjoni fejn l-ekonomija kompliet tikber sena wara sena, għandna sistema ekonomika fejn għandna tkabbir ekonomiku li hu fost l-akbar fl-Ewropa, rata ta’ qgħad li hi waħda mill-inqas li għandna fl-Ewropa u, allura, dik ġabet magħha sfidi ġodda li issa rridu nindirizzawhom.”
Malcolm Cutajar, Ambaxxatur Għall-Migrazzjoni
Cutajar semma kif din il-politika hi bbażata fuq il-prinċipji tal-istabbilità fuq il-ħaddiema disponibbli bħalissa, aktar drittijiet li jiġu żgurati għall-ħaddiema kollha u penali ħorox għal min jabbuża, waqt li dawn ma jkunux jistgħu jġibu ħaddiema oħrajn magħhom.
Semma wkoll li l-ħaddiema li jinġiebu tassew ikun hawn verament bżonnhom u jkollhom il-ħilijiet neċessarji, fejn anke hu importanti li jkompli jkun hemm l-investiment fil-ħiliet tal-ħaddiema attwali.
Sadanittant, fi stqarrija, il-Partit Laburista laqa’ b’sodisfazzjon il-Malta Labour Migration Policy, li qed issib bilanċ ċar bejn id-drittijiet tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem.
Ingħad li din hi xhieda li, mill-Gvern, il-Partit Laburista qed jibqa’ joffri s-soluzzjonijiet biex, bil-miżuri proposti, pajjiżna jibqa’ miexi ’l quddiem, bil-maqlub tar-retorika populista tal-Partit Nazzjonalista, li jibqa’ ma jagħtix proposti u jinjora r-realtajiet li għandu pajjiżna.