Bħala parti mit-tradizzjoni tal-attività Betlem f’Għajnsielem, tħabbru d-dettalji fuq jumejn għall-miġja tas-Slaten Maġi f’għadd ta’ lokalitajiet.
Il-vjaġġ jibda s-Sibt 4 ta’ Jannar għall-ħabta tal-11:30 ta’ filgħodu mill-Palazz ta’ San Anton bi żjara lill-President Myriam Spiteri Debono.
Wara se jżuru l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u d-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi, qabel imorru fil-Parroċċa ta’ San Bastjan u dik ta’ San Ġorg f’Ħal Qormi.
Il-Ħadd, nhar l-Epifanija, fid-9.00 ta’ filgħodu l-Maġi jitilqu mill-Imġarr, Malta, għall-Mellieħa fejn issir attività fil-11.30 fil-pjazza tal-lokal.
It-Tliet Slaten ikomplu bil-vjaġġ lejn iċ-Ċirkewwa biex jaqsmu lejn Għawdex għall-ħabta tat-3:00 ta’ waranofsinhar.
Il-miġja tintemm bid-dħul trijonfali f’Betlem f’Għajnsielem fil-ħmistax-il edizzjoni tagħha li mill-ġdid attirat eluf ta’ viżitaturi.