Il-midja indipendenti kompliet tesponi d-double standards tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u l-partit li jmexxi.
Parti minn editorjal tal-Maltatoday kienet iddedikata għas-saga ta’ David Thake u kif il-Partit Nazzjonalista qed juri l-ipokresija politika għaliex meta joħroġ skandlu fil-konfront tiegħu, jattakka lill-midja.
Fil-fatt l-editur tal-Maltatoday innota li wara li Thake nqabad ma ħallasx qrib il-miljun ewro f’VAT dovuta lill-Istat, fetaħ libell kontra ONE News.
Il-libell iffirmat mill-Avukat ta’ Thake, Andrew Borg Cardona magħruf bħala l-‘Boċċa’, wasal għand il-Kamra tal-Aħbarijiet propjament ftit tal-jiem ilu u ddaħħal l-għada li Thake deher irrabjat mal-midja barra l-Parlament.
“Huwa ironiku ħafna li l-partit li jsemmi l-protezzjoni tal-ġurnalisti, imbagħad għandu Deputat li rriżenja u li beda jilmenta għal min informa l-midja bin-nuqqasijiet fiskali tiegħu” kiteb l-editur tal-Maltatoday.
Fil-fatt it-Tnejn, quddiem il-ġurnalisti, Thake li Bernard Grech baqa’ jiddefendih sa anki wara ħarġu aktar stejjer dwaru u ried jevita riżenja min-naħa tiegħu, bilkemm ma riedx jgħid li hu l-vittma, għax inkixef li ma ħallasx il-VAT dovuta.
Intqal kif il-Partit Nazzjonalista ma waqqafx lil Thake jieqaf jattakka lill-midja li ġustament kixfitlu għawwaru, bil-gazzetta tinnota li Thake kien jaqbad ma’ ħaddieħor meta kien jagħmel il-programmi fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista.
“Ir-riżenja tiegħu għandha ssir bl-integrità u mhux bis-suppervja u r-rabja lejn il-ġurnalisti. Dik ukoll hija kwistjoni ta’ nuqqas ta’ kredibilità”, temm jgħid l-editur tal-Maltatoday.
Dan quddiem dak li propju żvela ONE News, li kien l-istazzjon li sigħat qabel irrapporta li Thake kien se jirriżenja mill-Parlament.
Thake fil-fatt irriżenja anki jekk Bernard Grech dejjem aċċetta l-pożizzjoni ta’ Thake u kien lest jakkomodah billi sostna li kien kuntent bis-sospensjoni finta.
Madankollu kien hemm pressjoni ma taqta’ xejn u Thake kellu jċedi anke jekk baqa’ bl-appoġġ tal-Kap.
Fost oħrajn nies qrib l-eks Kap Adrian Delia sabbtu saqajhom internament u qalu li wara l-mod kif kien stmat Delia, l-inqas li ppretendew kien li Thake iwarrab.
Din il-ġimgħa huma sostnew li jekk ma jiġrix hekk, kien se jkun hemm il-konsegwenzi.
Fl-istess ħin kienu jafu li meta tgħaddi tagħhom, ikunu taw daqqa lil Bernard Grech, li wkoll għamel snin ma jħallasx it-taxxa qabel daħal fil-politika u nkixef mill-midja.
Fil-fatt il-gazzetta KullĦadd innutat li Bernard Grech baqa’ ostaġġ tas-sitwazzjoni u ma kellux triq oħra ħlief li jibqa’ jiddefendi lil Thake għax bħalu kellu nuqqasijiet fiskali.
Fl-editorjal ‘Fit-tgħassida ta’ Thake’, l-editur tal-KullĦadd innota kif il-partit ta’ Bernard Grech għaxxaqha meta rringrazzja lil David Thake u issa l-poplu jagħġen l-inkonsistenzi li sarrfet it-tmexxija ta’ Bernard Grech fl-aħħar kważi sena u nofs.