F’dibattitu fuq ir-radju fuq 103 FM, kompliet tispikka n-nuqqas ta’ preparazzjoni mill-Partit Nazzjonalista fuq costings ta’ wegħdiet li qed jgħid li jrid iwettaq Bernard Grech jekk isir Prim Ministru.
Fabian Demicoli, il-preżentatur innota kif Bernard Grech mhux ikollu costings, bil-kandidat Nazzjonalista Darren Carabott jeħel u s-Segretarju Parlamentari Alex Muscat pront iwieġeb iva dwar il-fatt li l-Partit Laburista qed iressaq proposti costed.
Saħansitra Darren Carabott kompla ma’ Bernard Grech fuq il-passat.
Qal, “Fil-passat ukoll rajna l-viżjoni tagħna għall-Unjoni Ewropea.”
Waqt id-dibattitu bejn Carabott u Alex Muscat, spikkat ukoll id-differenza bejn Gvern Laburista u Gvernijiet Nazzjonalisti waqt żminijiet ta’ sfida.
Qal, “Mela ħaddieħor waqt kriżi ħafifa, żied it-taxxi, żied il-kontijiet, żied il-fuels. Aħna waqt pandemija żidna l-pensjonijiet, naqqasna t-taxxi, hekk ser inkomplu nagħmlu.”
Fuq ir-radju, il-Partit Nazzjonalista kompla jisħaq li tiegħu biss tajjeb.
Qal, “F’dawn l-għaxar snin, ejja nitkellmu dwar x’setturi ekonomiċi, tieqaf. F’dawn l-għaxar snin, ma nħoloqx settur ekonomiku wieħed illi seta’ dan il-Partit jiġi llum u jiftaħar bih.”
Din l-akkuża ġabha fix-xejn Alex Muscat, li fakkar kif il-poplu jaf biċ-ċar dwar is-setturi ekonomiċi u l-impjiegi li ħoloq Gvern Laburista anki waqt pandemija.
Qal, “Il-poplu hemm barra jaf li ħloqna ħafna niċeċ ġodda. Jien nerġa’ ngħid fuq dak li kont risponsabbli minnu jien. L-investment migration? Ma kienx jeżisti f’pajjiżna. Nomad residence permit? Ma kienx jeżisti f’pajjiżna. AI u big data, boutique hospitality, international education, medical cannabis.”
F’kuntest ta’ sinjali qawwija ta’ rkupru mill-pandemija, Alex Muscat innota kif Malta qed tħares lejn il-futur b’ottimiżmu.
Qal, “L-ekonomija Maltija, l-iktar ekonomija li mxiet tajjeb f’dawn l-aħħar snin. Best performing economy fl-Ewropa. Qas qatt ma kellna daqstant nies jaħdmu f’pajjiżna, qatt f’pajjiżna daqs illum, għadna ħerġin mill-pandemija, qatt ma kellna daqstant nuqqas ta’ qgħad. L-inqas rata ta’ qgħad li qatt kellna f’pajjiżna, dan mhux qed jgħidu Alex Muscat ta’. Dan il-Eurostat.”