Il-ġurnal Taljan ‘Il Foglio’ żvela li Roberta Metsola se taħtar lir-raġel ta’ oħtha bħala Chief of Staff tal-Kabinett tal-President tal-Parlament Ewropew.
Kelliem għal Roberta Metsola kkonferma dan u saħansitra ddefenda din il-ħatra.
Din hi ħatra li qed tiżdied ma’ deċiżjonijiet dubjużi oħra li ħadet fil-ftit xhur kemm ilha fil-kariga. Deċiżjonijiet li fi Brussell qed iqajmu mistoqsijiet kbar.
Il Foglio, influwenti ħafna fejn jidħlu aħbarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-Unjoni Ewropea, irrapporta kif wara skandlu li heżżeż l-istituzzjonijiet Ewropej bħal Qatar Gate, Metsola għażlet wieħed ta’ ġewwa.
Dan għal kariga b’salarju ta’ bejn ħmistax u għoxrin elf ewro fix-xahar.
Fir-rapport intqal ċar u tond, li dik li se tkun l-ewwel deċiżjoni tagħha tal-2023 qed tirriskja li “tagħti daqqa lill-kredibbiltà tal-Parlament Ewropew.”
Il-Foglio qal li wara l-Qatar Gate, Metsola wiegħdet riformi mifruxa kontra l-korruzzjoni, il-kunflitti ta’ interess u l-klijenteliżmu. Iżda, l-ewwel deċiżjoni tagħha għas-sena d-dieħla tibni fuq deċiżjoni oħra li saħansitra kienet ikkundannata minn Transparency International.
Dan għax biex issa se taħtar lil Matthew Tabone Chief of Staff, Metsola ħatret lill-eks chief of statt Alessandro Chioccheti bħala Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew, b’mod xejn trasparenti u li kien ikkundannat.
Fost dawk li appoġġjawha biex tagħmel dan kien hemm l-eks Viċi-President tal-Parlament Ewropew Eva Kaili, li issa hija mixlija b’korruzzjoni.
Il-ħatra tar-raġel t’oħtha f’din il-kariga diġà kisbet kundanna ta’ għaqdiet li jaħdmu fil-qasam tal-governanza tajba, fosthom ‘The Good Lobby.’ Il-Professur Alberto Alemanno, qal li Metsola qed tuża “l-poter biex tippremja l-fidili tagħha.”
L-irwol ta’ Chief of Staff tal-President tal-Parlament Ewropew ifisser li f’isem il-President iżomm kuntatt mal-Presidenti tal-gruppi, u l-amministrazzjoni tal-istituzzjonijiet l-oħrajn.
Tradizzjonalment għal dan l-irwol dejjem jintgħażel bniedem b’esperjenza bħala burokratiku tal-Unjoni Ewropea jew tal-inqas b’esperjenza fil-gruppi politiċi. Iżda, Metsola marret lil hinn mill-prassi biex taqdi lil min jiġi minnha.
Tabone huwa miżżewġ lil oħt iż-żgħira ta’ Metsola, Lisa Tedesco Triccas.
Biex jiddefendi l-ħatra il-kelliem ta’ Metsola qal li Metsola kienet tippreferi li oħtha żżewġet xi ħadd li mhux fil-politika, iżda m’għandiex kontroll dwar min jinnamra ma’ min u temmen li l-persuna għandha tħobb lil min tixtieq tħobb.
Il-kelliem ta’ Metsola qal ukoll li din hi ‘position of trust.’
Fl-aħħar ġimgħat kienu diversi l-persuni awtorevoli li kitbu kif l-iskandlu Qatar Gate huwa riżultat ta’ kultura ta’ impunità li qed tirrenja fil-Parlament Ewropew b’messaġġi ħżiena kontra t-trasparenza li ilhom jintbagħtu snin.