Il-midja tal-Partit Nazzjonalista ħarġet tiddeskrivi bħala storika s-seduta tal-Parlament ta’ nhar it-Tnejn li għadda għax kienet l-aħħar waħda li ltaqgħet fis-sitta.
Iżda, min kiteb ir-rapport tal-Parlament u ta r-raġunijiet għaliex din kienet bidla li tagħmel sens ma rrealizzax li l-partit li kien qed jirrapporta għall-midja tiegħu saħansitra oppona din il-bidla.
Tant li wara ftit minuti r-rapport inkwistjoni sparixxa. “Tul is-snin kien hemm diversi deputati li kienu jsostnu li dan ilħin ma kienx wieħed konvenjenti għas-seduti parlamentari għaliex ma jagħmilx sens li s-seduti jdumu sa tard filgħaxija,” intqal fir-rapport li wara ftit tħassar.
X’aktarx, meta xi ħadd induna li l-Partit Nazzjonalista kien oppona dik il-bidla, dakinhar filgħodu nġibdet l-attenzjoni u kellha titneħħa.
Fil-fatt il-whip tal-grupp parlamentari Nazzjonalista, Robert Cutajar, spjega għaliex hu ma togħġbux din il-miżura.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius kien qal li l-fatt li l-Parlament kien jibda jumejn fl-erbgħa u darba fis-sitta kien bilanċ tajjeb. Biex fi ftit kliem ieħor argumenta bħal Cutajar għaliex ma kienx hemm bżonn din il-bidla.
“M’għandniex nibdlu għal issa. Anke għal raġunijiet ta’ diversi persuni,” qal Agius li reġa’ nsista li kellha tibqa’ l-istess sistema.
Id-Deputat Prim Ministru, Chris Fearne, spjega li l-Gvern kien diġà ppospona għal tliet xhur fuq suġġeriment li sar u issa ma kienx hemm żmien għal iktar posponiment.
David Agius temm l-argument billi qal: “Jien nixtieq nirreġistra li m’hemmx qbil.”