Il-Qorti tal-Appell irrevokat parzjalment sentenza tal-ewwel qorti u kkundannat lill-ġurnal In-Nazzjon iħallas €6,000 f’danni lid-diretturi tal-kumpanija Nexia BT.
Il-ġurnal instab ħati li artiklu ppubblikat f’Lulju ta’ sentejn ilu kien libelluż u malafamanti fil-konfront ta’ Brian Tonna, Karl Cini u Manuel Castagna meta allega li l-ħaddiema tal-kumpanija kienu qegħdin jirċievu l-paga b’ċekkijiet maħruġa minn kumpanija oħra.
Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti nnotat li l-allegazzjonijiet li saru fosthom li x-xogħol tal-kumpanija kien sejjer il-baħar u li xegħlu l-bozoz ħomor għall-impjegati, kienu kollha kummenti li jikkwalifikaw f’konġetturi malizzjużi.
Il-Qorti qalet li żgur li din l-informazzjoni ma kinitx fl-interess pubbliku u staqsiet x’interess jista’ jkollu l-pubbliku li jingħata tagħrif skorrett u mhux veritier. Qalet li l-interess pubbliku jirrikjedi li l-fatti jiġu vverifikati u mhux il-qarrej jingħata x’jifhem li jeżistu fatti li jkunu biss konġetturi ta’ min jikteb l-artiklu. Dan filwaqt li l-persuni involuti jiċċappsu b’malfama mhux mistħoqqa.
Fi stqarrija, id-diretturi Maniġerajli ta’ Nexia BT laqgħu d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell u nnotaw kif il-qorti qieset li l-gazzetta in-Nazzjon marret lilhinn mid-drittijiet tagħha tal-libertà tal-espressjoni meta pprovat tħammeġ ir-reputazzjoni tagħhom bi stqarrijiet foloz.