Hekk kif komplew l-attakki mill-media tal-Oppożizzjoni dwar is-settur tas-saħħa, illum In-Nazzjon ikkritikat is-soluzzjonijiet tajba li dan il-gvern qed jieħu biex ma jkunx hemm pazjenti fil-kurituri.
Il-Ministeru tas-saħħa spjega li hekk kif l-influwenza staġjonali tkompli tippersisti, b’influss ta’ pazjenti deħlin l-Isptar Mater Dei għall-kura, il-Gvern qed jaħdem mal-privat, f’dan il-każ mal-isptar St James għar-Riabilitazzjoni LiveLife, biex numru ta’ pazjenti li għandhom bżonn kura ta’ riabilitazzjoni, ikomplu bil-kura tagħhom f’dan l-isptar.
L-istqarrija titkellem dwar id-differenza bejn dan il-Gvern u l-amministrazzjonijiet preċedenti mmexxija minn gvern Nazzjonalista, hekk kif dan il-gvern ma jibqax ċass quddiem il-problemi iżda jaħdem biex isolvihom.
Il-kollaborazzjoni fil-qasam tas-saħħa mal-privat qed issir fuq għadd ta’ aspetti fosthom biex jitnaqqsu l-listi twal ta’ stennija għall-operazzjonijiet f’diversi oqsma. Fil-fatt, matul is-sena li għaddiet, saru diversi operazzjonijiet imħallsa mill-Gvern fl-isptarijiet St James u St Thomas.
Il-Ministeru tas-saħħa qal li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tkun inkonsistenti. Filwaqt li tikkritika l-possibilità ta’ pazjenti fil-kurituri, fl-istess waqt tikkritika l-kooperazzjoni mal-privat biex proprju ma jkollniex pazjenti fil-kurituri.
L-istqarrija temmet tgħid li t-tilqima kontra l-influwenza staġjonali għadha tista’ tittieħed miċ-Ċentri tas-Saħħa kollha f’Malta u f’Għawdex.