Il-midja Nazzjonalista kienet kostretta tirtira artiklu falz li fih allegat li l-pulizija wettqet rejd fid-dar tal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorita tal-Artijiet James Piscopo.
Net News ippubblika ritratt b’karozzi tal-pulizija tal-Rapid Intervention Unit barra dar privata fil-Madliena. Il-kamra tal-aħbarijiet tan-NET allegat li dik id-dar kienet ta’ James Piscopo u li fiha kien għaddej rejd mill-Pulizija. Iżda għal darba oħra l-midja nazzjonalista nqabdet f’gidba sfaċċata.
James Piscopo innifsu ċaħad dan kollu u qal “Infurmat li sezzjoni tal-media ħarġet bi storja li jien ġejt mitkellem mill-Pulizija u li saru xi rejds id-dar tiegħi. DAN MHUX VERU assolutament. Lanqas ir-ritratt li ntwera ma huwa tad-dar tiegħi. Tlabt lis-sezzjoni tal-midja tikkoreġi u tirtira l-istorja falza.”
L-istess ritratt li ntuża min-Net intuża wkoll mill-midja tal-Knisja NEWSBOOK.
Il-midja tal-Knisja rrapportat li bdew isiru tfittijiet fid-dar tad-deputat Chris Cardona.
Din ukoll hija l-aħħar minn sensiela ta’ aħbarijiet foloz minn dan is-sit tal-Knisja hekk kif il-karozzi tal-pulizija tal-Rapid Intervention Unit kienu viċin id-dar ta’ Chris Cardona bħala mezz ta’ sigurtà.
Chris Cardona wkoll kiteb li din hija aħbar falza. “It-tweġiba għal din il-mistoqsija rresponsabbli fuq il-media tal-Knisja hija LE. U minkejja li sar kuntatt magħhom qed jibqgħu jippersistu bil-fake news. Nappella lill-media għal responsabbiltà fir-rappurtaġġ tagħhom”, temm jgħid Cardona.
Anki l-intraprenditriċi Diane Izzo spiċċat fil-mira ta’ attakki u gideb.
Izzo kitbet li għall-kuntrarju tal-gideb li ntqal hi fl-ebda ħin ma ssejħet mill-pulizija. Qalet li dan huwa attakk sabiex jattakkaw in-negozju tagħha.