Il-ġurnal tal-Partit Nazzjonalista Il-MUMENT ikkonferma fuq l-istess ġurnal li l-artikli li ppubblika fl-aħħar xhur minn suppost leaks li ħarġu mill-Partit Laburista kienu biss artikli ffabbrikati tal-istess ġurnal. Fil-ħarġu tal-lum, il-ġurnal Nazzjonalista rtira allegazzjonijiet li għamel fil-konfront ta’ Silvio Scerri meta allega li dan għandu rabtiet maċ-Chairman tal-Bank Pilatus Ali Sadr dwar proġett ta’ housing soċjali b’valur ta’ ħames miljun ewro.
Ebda konnessjoni bejn Silvio Scerri u Ali Sadr
Il-ġurnal tal-Partit Nazzjonalista il-MUMENT irtira allegazzjonijiet li għamel f’Ġunju li għadda dwar suppost rabtiet li qalet li kienu jeżistu bejn Silvio Scerri u ċ-Chairman tal-Bank Pilatus Ali Sadr.
F’artiklu ppubblikat fl-għoxrin ta’ Ġunju li għadda taħt it-titlu; Labourleaks, Rodrick Galdes ma jridx lil Silvio Scerri fl-Awtorità tad-Djar, il-midja Nazzjonalista ħarġet tallega bis-suppost manuvri li kienu qed isiru biex Kastilja taħtar lil Scerri bħala kap eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar.
Skont il-Mument, Scerri kien se jingħata din il-kariga f’mument kruċjali dwar il-proġett massiċċ ta’ ħamsin miljun ewro biex jinbnew ħames mitt post ieħor għall-housing socjali. Saħansitra ħarġet tallega li l-intriċċi f’Kastilja, Silvio Scerri u l-ħamsin miljun f’dik li sejħet bħala d-drama tal-housing, ikomplu jikkumplikaw ruħhom b’rabtiet li kien hemm mas-sid u ċ-charman tal-Bank Pilatus Ali Sadr.
Madankollu fil-ħarġa tal-Ħadd, il-ġurnal Nazzjonalsita ammetta li dan l-artiklu ma kien xejn ħlief fabbrikazzjoni tal-istess ġurnali. Ammettiet li qabel ma ġie ppubblikat dan l-istess artikolu, il-Mument naqas milli jitlob għall-verżjoni tal-fatti hekk kif magħrufa minn Silvio Scerri u ta’ dan qalet li kienet qed titlob skuża.
“Jirriżulta li ma teżisti l-ebda konnessjoni bejn Silvio Scerri u Ali Sadr u jew in-negozju tagħhom. F’dan l-isfond, l-editur u l-ġurnalist jiskużaw ruħhom u qegħdin jirtiraw l-imsemmi artikolu”, qalet il-midja ta’ Partit Nazzjonalista li issa tinsab f’idejn Pierre Portelli li wkoll li jinsab f’ċentru ta’ kontroversja dwar id-dokumenti ffabbrikati li ppreżenta fil-qorti lill-Maġistrat Aaron Bugeja fl-inkejsta Egrant.