Partitarji Nazzjonalisti spiċċaw igiddbu lill-midja Nazzjonalista wara li l-Ħamis filgħodu ppubblikaw fake news dwar mediċina tal-kolesterol li skonthom kienet out-of-stock.
Ftit tal-mumenti biss wara li ħarġet din l-aħbar ffabbrikata fuq il-midja soċjali, diversi persuni rħewlha sabiex iwieġbu dwar din l-istorja falza. Għall-kuntrarju ta’ dak irrapportat, qalu li kienu għadhom kif ġabru dawn il-mediċini mill-ispiżeriji li joffru s-servizz tal-Ispiżjar tal-Għażla Tiegħek.
Kumment ta’ persuna li identifikat lilha nnifisha bħala Nazzjonalista stqarr hekk: “Jien il-verità ma narax isbaħ minnha. Nazzjonalista daqs sebat elef imma verità hi li din mhux vera jew tal-anqas minn fejn ninqeda jien sal-ġimgħa l-oħra tani.
Filwaqt li kumment ieħor sejjaħ lill-ġurnalisti ta’ NET News giddibin: “Gidba oħra għax ġibt minnhom dalogħdu.”
Din l-aħbar giddieba li ġiet ppublikata sabiex tallarma lin-nies b’mod partikolari l-anzjani li jbatu bi pressjoni għolja ġabet l-istmerrija ta’ bosta. Ir-reazzjoni tal-Ministru għas-saħħa Chris Fearne kienet immedjata u ppubblika ritratti ta’ diversi paletti tal-mediċina suppost out-of-stock.
Segwiet dan stqarrija tal-Gvern li kkonfermat li l-mediċini Atorvastatin jinsabu in stock kemm fl-ispiżeriji msieħba fil-POYC u kemm fl-imħażen li għandu l-Gvern f’San Ġwann.
Id-daqqa tal-mewt għall-fake news oħra tal-kamra tal-aħbarijiet Nazzjonalista ġiet minn filmati miġbuda l-Ħamis stess minn ONE News fl-imħażen tal-Gvern.
Uffiċjal tal-imħażen tad-Dipartiment tas-Saħħa stqarr li din il-mediċina qatt ma kienet out of stock u bħalissa hemm maħżuna sitt paletti b’eluf kbar tal-pinnoli ‘Atorvastatin’ fl-imħażen f’San Ġwann u madwar sitt paletti oħra fl-ispiżeriji.
Minkejja ċ-ċaħda kategorika minn kull front, il-midja Nazzjonalista baqgħet tippersisti fil-gibeb u waqt li kienet kostretta tneħħi l-istorja minn fuq Facebook, għażlet li tibqa’ tuża s-saħħa tan-nies biex tipprova tirbaħ xi punti politiċi.