Ritratt kapaċi jgħid ħafna iktar minn elf kelma tant li żewġ riċerkaturi għamlu użu mill-midja soċjali biex jiddeterminaw min ibati mill-kundizzjoni tad-dipressjoni.
Ir-riċerkaturi Chris Danforth mill-Universita’ ta’ Vermont u Andrew Reese mill-Università ta’ Harvard, sabu konnessjoni bejn ir-ritratti li tefgħu 166 student fuq Instagram u l-problemi fis-saħħa mentali permezz ta’ għodda li tanalizza posts u tidentifika min kellu xi problemi fis-saħħa mentali permezz ta’ riċerka li kienet saret qabel.
Dawn skoprew li min kien ibati mill-kundizzjoni tad-dipressjoni kellhom tendenza li jużaw kuluri iktar skuri fosthom griż u blu u ftit li xejn jitfgħu ritratti fejn ikunu qed jieħdu sehem f’attivitajiet soċjali. Hemm ukoll it-tendenza li jitfgħu ritratti b’wiċċ jidher fihom filwaqt li min ma kienx ibati minn xi kundizzjoni tas-saħħa mentali kellhom tendenza li jitfgħu ritratti b’iktar minn wiċċ wieħed preżenti fir-ritratt.
Sabu wkoll li nies li jbatu mill-kundizzjoni tad-dipressjoni ma tantx kienu jagħmlu użu minn filters li ssib fuq Instagram iżda meta kien isir użu, l-iktar filter wżat kien ‘Inkwell’, filter li jbiddel ritratt bil-kulur għal ritratt li l-unika kuluri fih ikunu l-iswed u l-abjad. Filwaqt li nies mingħajr problemi ta’ saħħa mentali kienu jagħmlu użu mill-filter ‘Valencia’ li jagħti iktar ħajja lir-ritratt.