Siti tal-midja soċjali bħal Twitter, Facebook u Pinterest qed jikkawżaw lill-persuni li jużawhom iħossuhom aktar waħedhom, dan skont psikoloġisti mill-Istati Uniti.
Rapport qed jissuġġerixxi li jekk persuna tagħmel użu mill-midja soċjali għal aktar minn sagħtejn kull jum, iċ-ċans li persuna t’esperjenza iżolazzjoni soċjali jirdoppja.
Qed ikun sostnut li meta persuna tkun esposta għar-rappreżentazzjonijiet ideali tal-ħajjiet ‘perfetti’ tan-nies li jkunu jagħmlu parti mil-lista tal-ħbieb fuq is-sit soċjali.
L-istudju ħares ukoll lejn mezzi oħra bħal Instagram, Snapchat u Tumblr.
Wieħed mill-professuri, Elizabeth Miller, qalet li “għadna m’aħniex ċerti liema kienet l-ewwel – jekk hux l-użu tal-midja soċjali jew il-perċezzjoni tal-iżolament soċjali.”
It-teorija li hi msemmija fir-rapport hi li aktar ma jiġi mqatta’ ħin fuq il-midja soċjali, it-tendenza li jħossuhom waħedhom tikber.
It-tim analizza madwar 2,000 adult bejn l-etajiet ta’ 19 u 32 sena.