Il-midja soċjali qed tkun ta’ pressjoni fuq numru sinifikanti ta’ persuni li jiddeċiedu li jagħmlu plastic surgery. Iżda l-plastic surgeries kożmetiċi mhumiex l-unika għażla. Hemm ukoll dik li tissejjaħ plastic surgery medika, jiġifieri li persuna tagħmel din it-tip ta’ operazzjoni minħabba raġunijiet mediċi, li minkejja li l-plastic surgery kożmetika żiedet fil-popolarità, il-maġġoranza tal-operazzjonijiet li jsiru qed ikunu mediċi.
Dan qalu t-Theatre Manager taċ-ċentru PERSONA, John Cauchi, li spjega mal-gazzetta KullĦadd kif il-midja soċjali qed twassal biex aktar persuni jkunu konxji dwar l-apparenza tagħhom u għalhekk jiddeċiedu li jagħmlu operazzjoni kożmetika biex jibdlu jew jirranġaw dak li mhux jogħġobhom. Tal-istess fehma huwa rapport li sar minn Nuffield Council, rapport li identifika numru ta’ fatturi li qed iwasslu numru ta’ persuni biex aktar minn qatt qabel jiffokaw fuq id-dehra tagħhom.
Ir-rapport jaqbel ma’ dak li qal Cauchi, li aktar kemm il-midja soċjali qed issir popolari, fejn wieħed għandu ċ-ċans jesprimi jekk ir-ritratt jogħġbux jew le u fejn il-kultura taċ-ċelebritajiet qed issir aktar popolari, aktar qed tiżdied l-ansjetà fost l-individwi dwar l-apparenza tagħhom. L-istudju jgħid li l-persuni li jużaw b’mod regolari l-midja soċjali qed jippruvaw jikkompetu ma’ ritratti ta’ persuni li jkunu editjati u ma’ stil ta’ ħajja li fuq ir-ritratti u l-filmati tidher perfetta. Il-Professur Jeanette Edwards mill-Università ta’ Manchester, li mexxiet l-istħarriġ tal-kunsill dwar kwistjonijiet etiċi li jwasslu persuna tagħmel plastic surgery kożmetika, qalet li l-evidenza turi kif anke l-logħob li jilagħbu t-tfal fuq il-kompjuter qed iwasslu biex aktar persuni jagħmlu din it-tip ta’ operazzjoni.
“Konna xxokkjati b’uħud mill-evidenza li rajna, fosthom applikazzjonijiet tal-mobile msejħa bħala make-over apps u cosmetic surgery apps li huma mmirati għal tfal li saħansitra għad għandhom disa’ snin.” Bir-rapport żied jgħid li anke r-reklami li qed jidhru ta’ kuljum fuq il-midja soċjali, bħal Facebook, Instagram u Snapchat qed ipenġu u jgħaddu messaġġi diskriminatorji dwar kif persuna għandha tidher, “speċjalment kif nisa u bniet għandhom jidhru.”
Iżda din hija biss naħa waħ- da tal-munita, hekk kif studju ieħor li sar minn BAAPS, Assoċjazzjoni Brittanika ta’ kirurgi li jagħmlu plastic surgeries kożmetiċi juri li fattur ieħor li jwassal biex aktar persuni jagħmlu dawn it-tip ta’ interventi huwa ekonomija b’saħħitha. Dan hekk kif aktar persuni jkollhom aktar flus fil-but. John Cauchi spjegalna li l-prezz ta’ dawn l-operazzjonijiet ivarja skont it-tip ta’ operazzjoni. “Il-prezz jista’ jvarja bejn €1,300 u €4,000, jiddependi x’tip ta’ operazzjoni ssir.” Bil-mistoqsija tqum waħedha, liema hi l-iżjed plastic surgery popolari f ’pajjiżna? Cauchi qalilna li l-aktar popolari huwa operazzjonijiet marbuta mas-sider, fost oħrajn breast augmentations jew breast list magħrufa bħala Mastopexy. Iżda jekk wieħed jaħseb li kull persuna tista’ tagħmel plastic surgery, sejjer żball. Dan hekk kif, John Cauchi spjegalna li hemm numru ta’ raġunijiet li jistgħu jwasslu lill-kirurgu biex ma jagħmilx l-operazzjoni.
“Ħafna drabi r-raġunijiet huma marbutin ma’ saħħa. Wieħed irid iżomm f ’moħħu li intervent kożmetiku huwa għażla, mhux bħal meta wieħed qed jagħmel operazzjoni għal raġunijiet mediċi. Aħna nżommu s-saħħa tal-klijent bħala prijorità. Dejjem tingħata l-importanza neċċessarja.” Hemm ukoll il-kwistjoni taletà. Adulti li għandhom 18-il sena jew iżjed jistgħu jiffirmaw il-formola tal-kunsens huma, iżda f ’okkażjonijiet deskritti bħala rari minn John Cauchi, interventi kożmetiċi li jsiru minn klijenti li għandhom inqas minn 18-il sena, ikollhom bżonn firma ta’ kunsens mill-ġenituri. Iżda għal dawk li l-operazzjoni jistgħu jagħmluha, il-lista ta’ stennija hija bejn xahrejn u tliet xhur.
“L-interventi kożmetiċi qatt ma huma urġenti jiġifieri l-klijenti jridu jifhmu li se jkun hemm perjodu ta’ stennija. Il-maġġoranza tal-klijenti jifhmu, iżda mbagħad hemm dak il-persentaġġ li ma jifhmux. Iż- żmien ta’ stennija jiddependi wkoll mit-tip ta’ operazzjoni.” Il-lista ta’ stennija se tkun qed tiżdied fil-futur? Minnaħa tiegħu, it-theatre Manager taċ-ċentru PERSONA, qal li fl-opinjoni tiegħu l-plastic surgeries kożmetiċi se jibqgħu kostanti bil-possibbiltà li jiżdiedu wkoll. Iżda kif jgħid il-Malti, il-futur ħadd ma rah u għalhekk għad irridu naraw jekk il-plastic surgery kożmetika hix se ssir ritwal tal-ġenerazzjoni li ġejja