Kitba ta Charles B Spiteri
Illum kulħadd jitkellem fuq is-servizz tal-midja soċjali, li beda bil-kompjuter, għadda għall-mowbajls u kompla bit-tablets anki f’idejn it-tfal. Hawn min jistqarr li dawn l-invenzjonijiet, li l-bidu tagħhom imur għas-snin 1830, huma xi ħaġa meħtieġa u li ħadd ma jista’ jgħaddi mingħajrhom illum.
META NISIMGĦU DAN KOLLU, KEMM NISTGĦU NGĦIDU LI S-SERVIZZI TAL-MOWBAJL U L-KOMPJUTER HUMA BARKA GĦALL-FAMILJI TAGĦNA?
Fr. Colin Apap – Dawn is-servizzi ġodda la huma tajbin u lanqas ħżiena. Jiddependi kif tagħmel użu minnhom, bħal ħafna affarijiet oħra. Personalment, allaħares ma kienx il-mowbajl, it-tablet, eċċ. Għandi librerija aġġornata u sħiħa kull fejn immur li nista’ nikkonsulta immedjatament!
Owen Galea – Kull ġenerazzjoni kellha l-mod tagħha ta’ kif tikkomunika. 25 sena ilu la kellna mowbajl u lanqas kompjuter. It-telefown kien l-uniku mezz li jiġini f’moħħi li stajt nuża biex nikkomunika ma’ ta’ madwari. L-aktar meta kienu jħalluna naħrabu xi ftit ’il bogħod minnhom. Il-limitazzjonijiet kienu kbar u min jaf kemm ġenituri tħassbu dwar uliedhom għax għamlu sigħat twal sakemm semgħu leħinhom. Illum storja differenti. F’kemm trodd salib tagħmel kuntatt mal-għeżież tiegħek. Sew jekk b’telefonata bil-mowbajl jew b’messaġġ fuq Facebook jew xi pjattaforma oħra fuq il-midja soċjali, jafu fejn qegħdin u forsi wkoll x’qegħdin jagħmlu.
Dawn l-għodod teknoloġiċi tawna l-faċilità li nikkomunikaw ħafna aktar u malajr bejnietna. U permezz tal-ismartphones, il-komunikazzjoni bejnietna qatt ma kienet daqshekk faċli. Permezz tal-midja soċjali ninsabu l-ħin kollu f’kuntatt mal-ħbieb tagħna, mal-qraba tagħna, ma’ wliedna, man-nies li l-aktar huma għeżież għalina. Iżda mhux biss. Ninsabu f’kuntatt ukoll ma’ miljuni ta’ nies minn madwar id-dinja. Qegħdin fejn qegħdin, u bi ftit flus, nistgħu nibagħtu l-messaġġi lil xulxin u nirċievu lura kull xorta ta’ informazzjoni li nixtiequ bħal messaġġi, ritratti, filmati, data – kull ħaġa immaġinabbli – u kulma għandna bżonn hu smartphone li għandu konnessjoni mal-internet.
Anthony Lucian Cauchi – Dawn is servizzi huma bżonn illum, iżda bħal kull ħaġa oħra irid ikun hemm użu tagħhom bil-qies. Lit-tfal u liż-żgħażagħ għandna nuruhom bil-kliem u bl-eżempju li nagħrfu nikkontrollaw ruħna. F’dan kollu nfehmuhom li l-kuntatt uman hu importanti.
Dr. Charles Azzopardi – Xejn mhu tajjeb jew ħażin fih innifsu, inkluż l-użu tal midja soċjali. Kollox jiddependi minn kif in-nies jużaw dawn il-mezzi hekk b’saħħithom. L-iżvilupp teknoloġiku li sar tul dawn l-aħħar 50 sena dejjem kien hemm min imaqdru. Bħal meta Ford daħħal il-line production kienu qalu li xogħol il-bniedem spiċċa. L-istess meta ddaħħal ir-robot kien hawn ħafna biża’.
Meta daħal it-televiżjoni, meta daħal il-video recorder, insomma kull żvilupp iġib miegħu bidla, kultant radikali u li bħal kull bidla oħra tnissel fil-bniedem ċerta skumdità u biża’. Il-midja soċjali hi mezz importanti fl-iżvilupp soċjali, ukoll tal familja. Id-distanzi pereżempju jiqsaru ħafna. U l-ħin jiqsar ukoll. Dejjem ngħid kellu bżonn meta telaq ħija l-Awstralja fis-sebgħinijiet kien hawn l-internet u Skype. Meta wieħed jara l-familja llum kif inhi sparpaljata b’ħafna nies jistudjaw u jaħdmu barra minn pajjiżna, separazzjonijiet, eċċ, wieħed jista’ jżomm kuntatt immedjat mal-familjari tiegħu faċilment. Il-punt l-ieħor hu li ħażin jew tajjeb, il-forza tal-iżvilupp ma jżommha ħadd. L-għażliet li nagħmlu, għalkemm aħna nistgħu naħsbu li għandna l-kapaċità li nagħżlu, huma ddettati minn dan is-suq, li kontinwament jisfurzana nimxu miegħu.
Pereżempju llum mhux tistaqsi jekk għandux ikollok mowbajl jew le iżda liema mowbajl. Jigifieri l-għażla jekk ikollokx mowbajl jew le spiċċat. Kulħadd għandu mowbajl u jekk ma jkollokx tista’ taqa’ lura fil-komunikazzjoni immedjata li l-ħin kollu għandna bżonn.
JIRRIŻULTA LI L-ĦAJJA SOĊJALI TAGĦNA L-MALTIN INBIDLET RADIKALMENT. MINĦABBA DAWN IS-SERVIZZI QED NISPIĊĊAW ESKLUŻI KEMM MILL-ĦRUĠ MAL-ĦBIEB U WKOLL MINN ULIEDNA?
Fr. Colin Apap – Il-bniedem hu annimal soċjevoli. Mhux maħluq biex jgħix waħdu. Għandu bżonn tal-komunikazzjoni biex isib lilu nnifsu u jibni rapporti ma’ annimali raġonevoli bħalu! L-użu tal-mezzi ġodda ta’ komunikazzjoni, bħal kull ħaġa ġdida, jieħu ż-żmien u l-ħila li jadatta għal dawn il-mezzi. Issib min, ta’ kwalunkwe età, li mid-dar u bil-kumdità jikkomunika ma’ bosta nies li qabel ma kienx ikun possibbli: Skype, FaceTime, WhatsApp, Messenger, Facebook, eċċ jagħtuni l-possibbiltà mhux biss li nikteb iżda wkoll li nara lil dak li jkun.
Hawn min fuq l-istess mejda jikkomunika ma’ kulħadd barra man-nies fuq l-istess mejda.
Hawn min jitgħajjar jew jinki lil ta’ quddiemu bl-istess sms, mowbajl….minflok ikellmu!
Hawn min biex ikellem lil uliedu u jgħidilhom biex jiġu jieklu jibgħatilhom sms fil-kamra fejn ikunu!
Hawn ristoranti li jipprovdu televiżjoni u tablets waqt l-ikel biex flok titkellem ma’ ħbiebek, tgħix f’dinja ’l bogħod minnhom.
Naf b’familji fejn il-ħin tal-ikel flimkien hu mwarrab kompletament minn kull mezz ta’ komunikazzjoni biex jitkellmu bejniethom, iżda oħrajn jużaw it-televiżjoni waqt l-ikel biex itejbu t-tip ta’ komunikazzjoni bejniethom fuq dak li jaraw flimkien.
Owen Galea – Għal xi wħud din it-teknoloġija kollha madwarna għandha wkoll l-effetti negattivi tagħha, għax bħal kull oġġetti ieħor għandha l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tagħha. Bosta studji juru li qed inqattgħu medja ta’ tliet sigħat kuljum fuq l-ismartphone tagħna – jum sħiħ fil-ġimgħa! Mhux ta’ b’xejn li ħafna nies jilmentaw li m’għandhom ħin għalxejn u lanqas għall-għeżież tagħhom li forsi jkunu ilhom ma jaraw.
L-użu tal-ismartphone ġab miegħu wkoll perikli ġodda f’ċerti ċirkostanzi speċifiċi bħas-sewqan fost oħrajn. Sempliċi telefonata jew wasla ta’ notifikazzjoni taf ittelliflek mill-konċentrazzjoni u toħloq inċident li jiswa ħajja. Dawn huma biss ftit eżempji tal-impatt li t-teknoloġija tal-mowbajl qed tħalli fuq ħajjitna. Waqt li llum hemm bosta apps li qed jagħmlulna ħajjitna ħafna aktar faċli, komda u divertenti, hemm biżibilju oħrajn li jservu biss ta’ distrazzjoni u li qed jaħlulna ħafna ħin li nistgħu nużawh ħafna aħjar.
Anthony Lucian Cauchi – Għax ħafna ġenituri qed jaħarbu mir-responsabbiltà li jitkellmu u jisimgħu lil uliedhom billi jħalluhom u anki jinkoraġġuhom jiffissaw fuq dawn il-mowbajls u t-tablets anki waqt l-ikel id-dar u saħansitra, tal-misthija, fir-ristoranti.
Dr. Charles Azzopardi – Dr Charles Azzopardi, Terapista tal-Familja: Jekk issirx skjav tal-mowbajl jew le tista’ tkun għażla tiegħek, għalkemm mhux dejjem. Iżda tista’ tagħżel meta tirrispondi.
Perżempju waqt l-ikel mal-familja ma tirrispondix; waqt ħarġa mal-familja ma tirrispondix. Kull mowbajl għandu buttuna biex titfih u din tista’ tagħfasha meta trid. L-istess għall-kompjuter u għall-midja soċjali.
In-nies jagħmlu l-għażliet tagħhom u tara minn kollox, min jikxef kull parti ta’ ġismu u kull pass li jagħmel f’ħajtu u min josserva bil-kwiet x’inhu għaddej fid-dinja u fil-pajjiż. Il-midja soċjali tat il-poter f’idejn in-nies li jistgħu jgħidu dak li jaħsbu, xħin iridu. “Power to the People” kien kiteb John Lennon. Qabel, biex issemma’ leħnek, kont trid tikteb ittra lil xi gazzetta li kellha hi l-poter li tagħżel dak li tippubblika. Illum dak il-poter infirex f’idejn in-nies u allura l-midja soċjali tat vuċi lil kulħadd b’mod aktar ekwu.
Il-postmoderniżmu dak li jgib, u dak hu is-sabiħ tiegħu. Issa min irid juża l-midja soċjali biex joqgħod jittanta xi wieħed jew xi waħda jista’ jagħmilha wkoll. Iżda naħseb irid jiġi minni u minnek li nagħmlu għażliet tajbin. Dan ifisser li l-midja soċjali tirrikjedi aktar responsabbiltà personali li mhux kulħadd għandu. Allura kixfet ukoll il-problemi tan-nies li din ir-responsabbiltà m’għandhomx u tagħtihom lezzjoni, għax jingidmu biex jitgħallmu jkunu responsabbli.
JISTA’ JKUN LI DAWN IS-SERVIZZI QED JAGĦMLU MINNA U MINN ULIEDNA ĊITTADINI AKTAR NERVUŻI U LI MINĦABBA L-SMSS MA NASLUX NIKTBU FIT-TUL?
Fr. Colin Apap – In-nervi, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni bil-kitba jew b’mezzi oħra, jinsabu ġo fina u mhux barra minna. Min kapaċi jkun kalm, għandu xewqa li jikkomunika b’dawn il-mezzi li jgħinuh biex dak li hemm ġo fih jikkomunikah aħjar u ma’ iktar nies.
Owen Galea – Ma neskludi xejn. Jekk niġi biex nibgħat messaġġ jew nagħmel telefonata u l-ismartphone li għandi jibda jagħtini l-problemi għax jeħel jew għax taqagħlu l-batterija, żgur li se jqabbadni n-nervi!
Madankollu kollox jiddependi mill-karattru tal-persuna. Fil-qosor jista’ jingħad li l-midja soċjali għandha effett qawwi fuq ħajjitna u fuq il-mod ta’ kif naħsbu. Mhux dejjem huma effetti pożittivi u mhux dejjem inkunu konxji tal-effetti li l-midja soċjali qed tħalli fuq ħajjitna u n-nies ta’ madwarna. Hu għal din ir-raġuni li jkun xieraq li nużaw dawn il-mezzi b’responsabbiltà u nsibu
Anthony Lucian Cauchi – Iva mhux talli hekk talli qed jiktbu kliem qasir tal-SMSs f’kompożizzjonijiet kemm bl-Ingliż u bil-Malti. Ma hemmx attenzjoni mill-ġenituri fuq it-tfal. Forsi għax għandhom x’jagħmlu wisq? Tal-mistħija, għax it-tfal jiġu l-ewwel u qabel kollox.
Dr. Charles Azzopardi – Ma naħsibx li minħabba l-midja soċjali qed neskludu r-relazzjonijiet umani. Anzi, taw aktar opportunità biex jiltaqgħu aktar nies li qabel qatt ma kellhom possibbiltà li jiltaqgħu. Rigward il-familja jien nagħżel li nitfi l-mowbajl meta nkun ma’ wliedi jew meta noħroġ mal-mara. Naħseb aktar li l-midja soċjali serqet il-ħin personali tan-nies u naqqset ħafna mill-passatempi li qabel kienu jiġu pprattikati. Kif il-bniedem iqatta’ ħinu hu importanti għall-iżvilupp personali u l-passatempi huma parti importanti mill-ħajja.
Li jbezzagħni hu kif qed tinbidel il-lingwa Maltija, pereżempju. Ħafna kliem ingliżat qed jiġi introdott u bil-mod qed jisraq lilna minn lingwa rikka u sabiħa. Nara tfal u kbar jiktbu anki fuq FB l-istess lingwa tal-SMSs. Kollox fil-qasir. Anki l-mowbajl, meta n-nies iċemplu kollox fil-qasir biex ma jaħlux ħafna flus. Dan, jekk ma noqogħdux attenti, iġib miegħu degradazzjoni fl-espressjoni tal-lingwa li diġà qed nara tintilef minn ħalqna u minn ħalq uliedna.