Il-midja tal-Partit Nazzjonalista xandret siltiet minn intervista li għamlet ma’ dak magħruf bħala l-El Chapo ta’ Malta biex tattakka l-ħidma fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
F’servizz imxandar fil-bullettin tal-aħbarijiet tan-NET, l-attakk kien dirett lejn it-tmexxija tal-ħabs, li fl-aħħar snin eliminat il-problema tad-droga fil-ħabs u anki ma ħallietx ġungla tirrenja.
Dan biex ma nsemmux li spiċċa ż-żmien li jkollok xi priġunieri meqjusa l-aktar b’saħħithom li jikkmandaw, kif jixhdu sentenzi tal-Qorti fl-2011 li tkellmu fuq priġuniera meqjusa bħala l-irġejjen tal-ħabs.
Jordan Azzopardi mixli bi traffikar tad-droga huwa implikat ma’ ċirku kbir tad-droga u l-ġimgħa l-oħra ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €150,000 u garanzija minn persuna oħra ta’ €50,000.
Il-midja Nazzjonalista tkellmet ma’ dak li kien priġunier sa ftit tal-jiem ilu u żammitu anonimu iżda ONE News jista’ jikkonferma li fil-fatt dak meqjus bħala l-‘El Chapo’ ta’ Malta kien il-persuna li deher fis-servizz tan-NET biex jattakka ħidmet l-uffiċjali fil-ħabs.
Intant il-Gvern waqqaf bord indipendenti sabiex jevalwa l-proċeduri interni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.