Il-familji Maltin u n-negozji f’pajjiżna ma ħassewx id-daqqa iebsa taż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil u l-enerġija.
Hekk innota l-editur tal-gazzetta Business Today Paul Cocks, f’editorjal li fih tkellem dwar il-ħtieġa t’appoġġ lin-negozji u l-familji f’kuntest t’ekonomija li għaddiet mill-isfida tal-pandemija u issa qed tħoss l-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna.
Hawn ġie nnutat kif pajjiżi oħra fl-Ewropa raw żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil.
Fil-qasam tal-enerġija, fl-Ewropa l-prezzijiet żdiedu b’45% meta mqabbel ma’ sena ilu.
Il-medja taż-żieda fil-prezzijiet fiż-Żona Ewro wkoll żdiedu b’7.5% matul ix-xahar li għadda.
Fil-Ġermanja jidher li ż-żieda fil-prezzijiet qed tkun waħda qawwija minħabba li kienet timporta ħafna enerġija mir-Russja.
F’Malta l-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil baqgħu stabbli, b’tal-aħħar raħsu f’Ġunju ta’ sentejn ilu u baqgħu qatt m’għolew sa issa.
Malta mhiex lanqas iżolata f’dak li qed jiġri fl-Ewropa minħabba l-kriżi tal-Ukrajna iżda l-impatti sa issa mhumiex kbar daqs pajjiżi oħra.
L-editur tal-Business Today innota li l-Gvern Malti daħal ta’ spalla għan-negozji u l-familji biex jilqgħu għall-impatt tal-kriżi fl-Ukrajna.
L-editur innota li Malta m’għandhiex bir bla qiegħ iżda spjega li s-sussidji li qed jagħti l-Gvern anki lill-importaturi tal-qmuħ u l-fatt li l-Gvern qed jerfa’ s-sisa fuq il-fjuwils qed isiru għax il-qagħda fiskali tal-Gvern tippermetti dan.
Mal-imsieħba soċjali, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana qal li l-Gvern huwa impenjat li jibqa’ jaħdem u jinvesti sabiex jilqa’ għall-impatt li se ġġib magħha l-gwerra fl-Ukrajna, mhux biss fix-xhur li ġejjin iżda wkoll fis-snin li ġejjin.