L-editorjal tal-gazzetta Illum tal-Ħadd nnota kif il-pakkett ta’ €70 miljun imħabbar mill-Prim Ministru, huwa għajnuna siewja kontra l-effetti ekonomiċi li ġabet magħha l-pandemija.
L-editur tal-gazzetta Albert Gauci Cunningham innota l-argument tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, li l-Gvern qed iqassam issa, iżda l-editur stqarr kif din l-għajnuna hija injezzjoni pożittiva u qed tibda tilqa’ b’mod effettiv u serju għall-għoli tal-ħajja li ġabet magħha internazzjonalment il-pandemija.
L-editorjal ikompli jgħid kif filwaqt li l-vouchers kienu ta’ għajnuna mmirata b’mod speċjali lejn in-negozji, din l-għotja b’ċekk addizzjonali ta’ €100 jew €200, flimkien ma’ ċekk ta’ rifużjoni tat-taxxa, ser tħalli lin-nies liberi li jużaw dawn il-flus kif l-aktar jħossu l-bżonn.
Il-gazzetta kompliet tgħid kif tħares kif tħares lejha politikament din l-għajnuna turi kif il-Gvern qed jilqa’ u jindirizza l-effetti ekonomiċi tal-pandemija.
Dan b’differenza għal Gvernijiet preċedenti li fi kliem l-editur kienu jgħidu “ħeq m’hemmx x’tagħmel tridu tidrawhom il-prezzijiet u l-kontijiet.”
Il-pakkett ta’ €70 miljun intlaqa’ tajjeb ukoll mill-imsieħba soċjali u min-nies.
L-imsieħba soċjali kienu sodisfatti bil-pakkett tal-Gvern.
Dan hekk kif l-imsieħba prinċipali f’pajjiżna ddeskrivew il-pakkett bħala injezzjoni ekonomika li tgħin lin-nies u ġġib tkabbir ekonomiku.
Fost l-oħrajn l-ekonomista rinomat Dr Gordon Cordina wkoll innota l-injezzjoni ekonomika li qed jagħti l-Gvern mhux biss biċ-ċekk tar-rifużjoni tat-taxxa li jitla’ sa massimu ta’ mija u erbgħin ewro, li huwa żieda fuq sena ilu, iżda anki biċ-ċekk addizzjonali tal-irkupru mill-pandemija, li se jfisser mitt ewro oħra għal kull ħaddiem u student u d-doppju għall-pensjonanti u l-persuni fuq l-għajnuna soċjali.
L-ekonomista magħruf li l-iswed jgħidlu iswed u l-abjad isejjaħlu abjad, irrikonoxxa li l-qagħda finanzjarja ta’ Malta tippermetti li l-Gvern iqassam pakkett ta’ sebgħin miljun ewro, kif wara kollox spjega l-Ministru għall-Finanzi l-Ħamis, li qal li minkejja l-previżjonijiet li s-sena li għaddiet tagħlaq b’defiċit ta’ 11.1%, issa dan mistenni jinżel għal 8.1% u b’hekk il-Gvern kellu fejn iqassam iżjed.