Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-midja indipendenti ma marritlux għall-konferenza tal-aħbarijiet għax kien ċar fid-Dokument ta’ qabel il-Budget.
Huwa qal dan ftit minuti wara li temm id-diskors tiegħu fir-replika għall-Budget 2023, f’konferenza tal-aħbarijiet, li fiha spikkat l-assenza tal-midja indipendenti.
Fil-fatt, apparti ġurnalista tal-kamra tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista kienu biss din il-kamra tal-aħbarijiet u l-istazzjon Nazzjonali li attendew għall-konferenza tal-Partit Nazzjonalista.
Meta mistoqsi dwar l-assenza tal-midja mill-konferenza stampa, Grech tenna li l-midja indipendenti m’attendietx għax il-messaġġ tiegħu kien wieħed ċar.
“Però l-midja indipendenti mhux qiegħda hawn għaliex il-messaġġ tagħna huwa wieħed ċar. Għaliex fil-Pre Budget Document tkellimna b’mod ċar, għaliex id-diskors tiegħi kien wieħed li fih viżjoni.”
Huwa qal dan fl-isfond ta’ kritika ħarxa li saritlu għall-istess dokument li ġie deskritt bħala straġi u li kien mimli tgerfix.
Huwa imbagħad qal li l-midja indipendenti ma attendietx, għaliex ma kelliex aktar domandi x’tagħmel.
“Nifhem li ma kellhomx aktar domandi x’jagħmlu.”
In-nuqqas ta’ preparazzjoni tal-Partit Nazzjonalista kompliet toħroġ aktar fid-deher meta l-kelliem Nazzjonalista għall-Ekonomija ma kienx kapaċi jsemmi erba’ miżuri konkreti mid-diskors tal-Kap li kien għadu kif intemm għoxrin minuta qabel.
Fuq il-mistoqsija ta’ ONE News, Ivan Bartolo tas-6pm kellu bżonn l-għajnuna tal-Kap biex ikompli bir-risposta tiegħu.