Vot storiku għal Malta Kattolika. Dawn kienu l-kliem li ddominaw kmamar tal-aħbarijiet internazzjonali mat-tokki tas-sebgħa u nofs ta’ filgħaxija malli kien ikkonfermat li gżiritna llegalizzat żwieġ ugwali bejn persuni gay.
Il-BBC iddeskriva l-emenda fl-Att taż-Żwieġ ta’ Malta bħala ‘major milestone’ oħra wara li fl-2014 Gvern Laburista daħħal l-Att tal-Unjoni Ċivili.
L-Independent Ingliża innutat kif Malta hija b’hekk il-ħmistax-il Stat Ewropew biex tiddikjara legali żwieġ bejn persuni gay, u li kienet l-ewwel fuq l-agenda tal-Prim Ministru Joseph Muscat malli reġa kienet ikkonfermat bħala Prim Ministru nhar l-Erbgħa ta’ Ġunju li għadda.
Xi ħaġa li kkummenta fuqu ukoll Reuters, li qalu li b’hekk Joseph Muscat żamm kelmtu meta qabel it-Tlieta ta’ Ġunju wiegħed li jaħdem għal soċjetà ferm iktar ugwali.
Il-Ġurnal Politico ikkwota lill-Prim Ministru Muscat li dan huwa vot storiku li juri li s-soċjeta Maltija qed timmatura. Politico semma ukoll kif il-vot għadda b’mod kważi unanimu ta’ 66 kontra wieħed għaliex kien biss id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo li vvota kontra minħabba valuri Kattoliċi li jħaddan.
Mill-introduzzjoni tal-Unjoni Ċivili f’April tal-2014, 141 koppja daħlu f’din it-tip ta’ relazzjoni, bi 22 koppja oħra jiżżewġu barra minn Malta.
Dan kien il-mod li l-aħbar tal-vot storiku Malti kien irrappurtat f’The Telegraph tal-Ingilterra, li fakkar kif Stati Ewropej oħra bdew jieħdu dan il-pas mill-2001, bl-ewwel pajjiż ikun l-Olanda.
Qabel Malta kienet il-Ġermanja li għaddiet liġi ta’ din in-natura nhar it-tletin ta’ Ġunju li għadda.