Il-konsorzju MIDI ħareġ stqarrija fejn iddefenda l-pjan tiegħu għal Manoel Island.
Qal li l-kumpanija temfasizza li bħala parti mid-djalogu miftuħ tagħha ma’ entitajiet interessati differenti, din il-ġimgħa saru preżentazzjonijiet lil NGOs u l-Kunsill Lokali tal-Gżira, dwar il-masterplan żvillupat minn Foster+Partners. Matul dawn il-preżentazzjonijiet saru diversi rakkomandazzjonjiet li se jiġu evalwati mill-kumpanija. MIDI emfasizzat li se tassigura aċċess pubbliku madwar il-gżira.
MIDI qalet li l-masterplan huwa kompletament skond il-kundizzjonijiet tal-emfitewsi li sar bejn il-Gvern Malti u l-kumpanija f’Ġunju 2000. Fil-fatt dan hu ftehim li sar fi żmien Gvern Nazzjonalista.
Filwaqt li saħqet li se tkun qed tħalli l-aċċessibbiltà għall-pubbliku il-MIDI qalet li l-iżvilupp se jkun f’ambjent fejn ma jintużawx vetturi u l-aċċessibbilita’ lejn u mill-gżira se jitjib ħafna bl-introduzzjoni ta’ water taxis. “Minbarra hekk, il-foreshore kollu se jibqa aċċessibbli għal pubbliku u għal għawm,” qalu l-MIDI.
“Il-kumpanija applikat mal-Awtorita’ tal-Ippjanar biex tagħlaq dawk il-partijiet li huma ta’ periklu serju u riskjuż għas-sigurta’ tal-pubbliku waqt li tħalli aċċess għall-foreshore mill-pubbliku,” qalet il-MIDI.
Fl-aħħarnett MIDI qalet li qiegħda fil-proċess biex tapplika għall-permess mill-Awtorita’ tal-Ippjanar biex tibda xogħol strutturali biex tistabilizza Lazzaretto aħjar qabel ma jibda r-restawr u riabilitazzjoni tiegħu.
Intant, dawk li qed jopponu għal dan l-iżvilupp taw ir-raġunijiet tagħhom li tista’ ssegwi billi tgħafas HAWN.