Il-General Workers Union qalet li għal darb’oħra l-Partit Nazzjonalista ma tilef l-ebda opportunità biex joħroġ fid-deher “il-mibegħda bla limitu li għandu lejn il-General Workers’ Union.”
Dan wara konferenza tal-aħbarijiet fejn sar magħruf li deputati nazzjonalisti ressqu protest ġudizzjarju biex jieqfu kirjiet li hemm fil-bini tal-General Workers Union.
“Il-GWU tistqarr li ħadd u xejn mhu se jwaqqafha milli tkompli taħdem biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u toħloq soċjetà aktar ġusta. Għalhekk il-GWU, flimkien mat-tim legali tagħha, tinsab lesta biex tipproteġi d-drittijiet tagħha fl-interess tal-ħaddiema msieħba magħha,” intqal fi stqarrija.
Kompla jingħad li l-konferenza stampa tal-lum ma kienet xejn għajr oxxenità li fiha l-Partit Nazzjonalista pprova joskura l-ħidma b’suċċess li qed tgħamel il-Union b’risq il-ħaddiema.
“Ironikament dan l-attakk twettaq mill-kelliem nazzjonalista Jason Azzopardi. Persuna li m’għandux il-kredibilità biex jitkellem dwar każi mistħarrġa mill-Awditur Ġenerali, hekk kif hu jinsab implikat f’rapport tal-istess Awditur Ġenerali dwar nuqqasijiet kbar fi trasferiment ta’ art.
L-attakk oxxen mhu xejn ġdid, għaliex mhux darba u tnejn il-PN stqarr li jrid jagħlaq il-bibien tal-GWU. Il-bini tal-Workers’ Memorial Building huwa frott il-ħidma u dedikazzjoni ta’ eluf ta’ membri li mill-ftit li kellhom taw sostenn finanzjarju biex il-GWU jkollha l-kwartieri tagħha minn fejn setgħet taħdem biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema Maltin,” qalet il-General Workers Union.
Żiedet tgħid li dan il-bini huwa simbolu ta’ xi tfisser li taħdem qatiegħ biex tiddefendi u ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Matul is-snin il-Workers’ Memorial Building irreżista diversi attakki minn dawk li riedu jeqirdu l-GWU; dan minkejja li il-bibien tal-Union dejjem kienu – u għadhom – miftuħa għall-ħaddiema mingħajr ebda distinzjoni ta’ fehma politika, twemmin reliġjuż, etniċità, jew orjentazzjoni sesswali. “Dan jistgħu jixhduh l-eluf ta’ msieħba li ġejjin mid-diversi strati tas-soċjetà Maltija u li għandhom twemmin politiku differenti. Il-GWU jiddispjaċieha tinnota li minkejja l-kliem li jingħad fil-privat, il-Partit Nazzjonalista xorta waħda għadu intenzjonat li jattakka u jipprova jeqred lil Union għaliex jaf li dejjem kienet u se tibqa’ fuq in-naħa tas-sewwa,” kompla jingħad fi stqarrija.
Kien innotat li s-suċċess li qed tikseb il-GWU llum qed idejjaq lil Partit Nazzjonalista għaliex m’għadux f’pożizzjoni li jinjora u jiċħad it-talbiet tagħha.
“Ewlieni fost dawn is-suċċessi hemm dik li l-proposta tal-GWU fl-aħħar baġit biex il-prinċipju ta’ ħlas ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali jitwessa qed tkun diskussa u b’hekk jinqered il-prekarjat. Proposta li l-GWU għaddiet lil Partit Nazzjonalista li iżda ma sabitx post fid-dokument tal-PN għall-aħħar baġit, li fost affarijiet oħra indika li meta jkun fil-gvern se jnaqqas il-ħaddiema minn mas-servizz pubbliku,” qalet l-unjin.