“Għalkemm Malta hija żgħira ġeografikament, għandha ħafna x’toffri internazzjonalment.”
Hekk stqarr il-Prim Ministru Robert Abela f’konferenza tal-aħbarijiet waqt il-Konferenza li qed issir f’pajjiżna tal-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi.
Il-Prim Ministru nnota kif l-Ewro-Parlamentari Soċjalisti qed jiltaqgħu f’pajjiżna wara ħafna snin u din hija turija ċara tal-fiduċja.
Il-Prim Ministru stqarr li Malta qed toffri pjattaforma għad-diskussjoni dwar l-ikbar sfidi li qed taffaċċja l-Unjoni Ewropea.
Fid-diskors tiegħu elenka n-numru ta’ riformi li saru fil-qasam tal-ġustizzja u sabiex tkun imsaħħa s-saltna tad-dritt f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru nnota kif il-ħaddiema u l-familji kienu sostnuti u mhejjuna tul il-pandemija.
Qal li bħala Gvern soċjalista, iċ-ċittadini ser jibqgħu fiċ-ċentru tal-politika f’pajjiżna.
“This social heart is what we truly believe in, our work on social justice, our work on civil rights and liberties, on the safeguarding of children, and increasing the participation of women in the labour market. These have all been key areas for our government during these last years.”
Il-Prim Ministru nnota kif il-Pjan ta’ Rkupru ser jgħin sabiex ikompli l-irkupru wara l-pandemija f’setturi bħall-immaniġjar tal-iskart u t-trasport sostennibbli fost l-oħrajn.
Il-konferenza tal-aħbarijiet ġiet indirizzata wkoll minn Iratxe García Pérez, il-President tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fi ħdan il-Parlament Ewropew.
Hawnhekk irrikonoxxiet il-mod tajjeb ta’ kif din il-pandemija ġiet amministrata f’pajjiżna.
Hija spjegat kif din il-laqgħa kellha ssir f’pajjiżna sabiex il-grupp juri l-appoġġ tiegħu lejn il-ħidma tal-Prim Ministru Robert Abela sabiex iwettaq riformi bla preċedent f’pajjiżna.
Hija kkuntrastat il-mod ta’ kif mexa pajjiżna ma’ pajjiżi li mxew b’miżuri ta’ awsterità f’dan iż-żmien, li fi kliemha wasslu għal inġustizzji soċjali kbar.
Hija awgurat ukoll lil Malta fuq l-approvazzjoni tal-Pjan ta’ Rkupru filwaqt li qalet li dan jagħmel il-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi kburin.
“We wanted to come here to Malta to really show our support to Robert Abela’s government and to the reforms he is putting in place as well as the recovery plan which I think perfectly embodies the vision of the Social Democrats for Europe.”
Hija rringrazzjat lill-Membri Parlamentari Ewropej Laburisti Maltin għall-għajnuna sabiex din il-laqgħa f’pajjiżna setgħet tkun possibbli. Wara l-konferenza tal-aħbarijiet il-Prim Ministru Robert Abela għamel diskors ieħor waqt sessjoni ta’ mistoqsija u tweġiba ma’ ewroparlamentari mill-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fejn hemmhekk spjega fid-dettall il-ħidma tal-Gvern Malti li wasslet għal dawn is-suċċessi fi żmien pandemija.