Għall-ħabta ta’ nofsinhar bdew jaslu fi Pjazza Kastilja t-tmien mexxejja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fir-reġjun tal-Mediterran għas-summit tal-MED 9 li qed jiġi ospitat minn Malta.
Huma ntlaqgħu mill-Prim Ministru Malti Robert Abela.
L-ewwel mexxej li wasal kien il-Prim Ministru Sloven, Robert Golob, segwit mis-Segretarju tal-Istat Spanjol Pascual Navarro Rios, il-Prim Ministri Kyriakos Mitsotakis tal-Greċja, Antonio Costa tal-Portugall, Andrej Plenkovic tal-Kroazja u Giorgia Meloni tal-Italja, il-Presidenti Emmanuel Macron ta’ Franza u Nikos Christodoulides ta’ Ċipru, il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen.
Von der Leyen, aktar kmieni kienet impenjata, flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela, fi żjara fl-Iskola Primarja tan-Nadur, Għawdex, fejn qed isir investiment ta’ €6.3 miljun, fosthom minn fondi Ewropej.
Din il-ġurnata storika għal pajjiżna u l-pajjiżi tal-Mediterran fl-UE issa tissokta bil-laqgħat bejn il-mexxejja fis-Sala tal-Ambaxxaturi, f’Kastilja, u aktar tard b’konferenza konġunta fil-pjazza prinċipali tal-Imdina.
ONE għaddej bi programm speċjali televiżiv imtella’ mill-kamra tal-aħbarijiet tagħna u bi preżentazzjoni tal-ġurnalist Samuel Lucas.