Il-mexxejja tal-lemin estrem Giorgia Meloni ddikjarat rebħa fl-elezzjoni tal-Italja u tinsab fit-triq biex issir l-ewwel Prim Ministru mara ta’ dan il-pajjiż.
Meloni mistennija tifforma l-aktar gvern lemini fl-Italja sa mit-Tieni Gwerra Dinjija.
Dan il-fatt mistenni jaffettwa lill-Ewropa, hekk kif l-Italja għandha t-tielet l-ikbar ekonomija fl-Unjoni Ewropea.
F’diskors li għamlet fil-ħin li għadda, Meloni qalet li l-partit tagħha “Fratelli d’Italia” se “jiggverna għal kulħadd” u mhux se jittradi l-fiduċja tan-nies.
Lill-ġurnalisti f’Ruma qaltilhom li t-Taljani bagħtu messaġġ ċar favur Gvern tal-lemin estrem immexxi mill-partit tagħha.
Qed ikun imbassar li Meloni tirbaħ b’sitta u għoxrin fil-mija tal-voti, skont riżultati preliminari, u jsegwiha se jkun hemm ir-rivali tagħha Enrico Letta miċ-ċentru xellugi.
L-alleanza ta’ Meloni, li tinkludi wkoll il-partiti ta’ Matteo Salvini u l-eks Prim Ministru, Silvio Berlusconi, jidher li għandha kontroll kemm tas-Senat u anki tal-Kamra tad-Deputati.