Il-konsulent tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Istati Uniti Mike Waltz ħabbar li tnejn mill-mexxejja ewlenin fl-Ewropa se jkunu mistiedna jpoġġu madwar il-mejda tan-negozjati li jikkonċernaw il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna. Dan wara li mexxejja Ewropej urew it-tħassib tagħhom dwar kif Donald Trump kien qed imexxi d-diskussjonijiet dwar is-sitwazzjoni u jekk jintlaħaq ftehim dan ma jkunx fl-interess tas-sigurtà kemm tal-Ukrajna kif ukoll tal-Unjoni Ewropea.
Wara li din il-ġimgħa ġew organizzati żewġ laqgħat ta’ emerġenza f’Pariġi ma’ pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u stati membri fin-Nato sabiex jitfassal rispons unit għall-avviċinament bejn ir-Russja u l-Istati Uniti, jidher li fl-aħħar l-Ewropa se jkollha siġġu madwar il-mejda tan-negozjati.
Ftit wara li ntemmgħet it-tieni laqgħa l-Erbgħa filgħaxija, fil-maġġoranza b’mod virtwali, bejn dsatax-il kap ta’ stat tal-Ewropa, Mike Waltz ħabbar li l-President Franċiż Emmanuel Macron u l-Prim Ministru tar-Renju Unit Keir Starmer kienu mistiedna l-White House fil-bidu tal-ġimgħa d-dieħla sabiex tkun diskussa l-gwerra fl-Ukrajna.