Il-mexxejja Ewropej saħqu fuq il-ħtieġa u l-urġenza li tingħata l-booster.
Dan fid-dawl li l-varjant Omicron mistenni jiddomina l-kontinent Ewropew fil-ġimgħat li ġejjin.
Dan ħareġ fil-konklużjonijiet fis-Summit tal-Kunsill Ewropew fi Brussell, li għalih qed jattendi wkoll il-Prim Ministru Malti Robert Abela.
Fuq il-pandemija, il-mexxejja Ewropej qablu li hu kruċjali li tkun miġġielda l-kampanja ta’ miżinformazzjoni li tiġri fuq il-midja soċjali b’rabta mal-pandemija u t-tilqim.
Il-Kunsill Ewropew sostnew fuq l-importanza sabiex tkompli l-kordinazzjoni bejn l-istati membri fuq iċ-ċertifikat tal-vaċċin, li jwassal għal vjaġġar sigur.
Hawnhekk il-mexxejja Ewropej saħqu wkoll li jekk pajjiż Ewropew iżid ir-restrizzjonijiet u għandu jżomm l-funzjonijiet tas-suq ħieles.
Intqal kif l-Unjoni Ewropea hija impenjata li tkompli tqassam il-vaċċin madwar id-dinja.
Bħalissa l-Unjoni Ewropea hija l-iżjed istituzzjoni li qassmet it-tilqim lill-pajjiżi aktar foqra.
F’dan is-summit, il-mexxejja Ewropej iddiskutew ukoll il-prezzijiet tal-enerġija hekk kif dawn għolew b’mod allarmanti madwar il-pajjiżi Ewropej.
Dwar dan is-suġġett, il-Prim Ministru Robert Abela tenna li ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija m’għandhiex tinxteħet fuq il-poplu.
Il-mexxejja Ewropej iddiskutew is-sitwazzjonijiet fil-Belarus u fl-Ukrajna.
Barra minn hekk, il-mexxejja Ewropej għaddejjin bi preparazzjonijiet tas-Summit li se jsir bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana, fi Frar li ġej.