Il-Prim Ministru Malti Robert Abela jinsab fi Brussell, fejn qed jieħu sehem waqt Summit tal-Kunsill Ewropew.
F’dan is-Summit li beda l-Ħamis wara nofsinhar, il-mexxejja Ewropej bdew jiddiskutu l-attakk tal-Gvern Pollakk fuq is-saltna tad-dritt tal-Unjoni Ewropea.
Dan hekk kif il-Qorti Suprema Pollakka kienet iddeċidiet li l-liġi Ewropea mhiex suprema għal dik Pollakka f’ċertu sitwazzjonijiet.
Rapporti fil-midja internazzjonali qalu li l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen qalet li l-Kunsill Ewropew irid jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa sabiex ikunu protetti l-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Intant, fl-istess jum, il-Parlament Ewropew vvota favur sabiex l-Unjoni Ewropea tieħu passi kontra l-Polonja.
Din ir-riżoluzzjoni li għaddiet b’saħħa mill-Parlament Ewropew tgħid li d-deċiżjoni fil-Qorti Pollakka tmur kontra l-liġijiet u valuri Ewropej.
Din ir-riżoluzzjoni tagħti s-saħħa lill-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill Ewropew sabiex jimponi mekkaniżmu fuq il-Polonja.
Dan is-Summit qed jiddiskuti wkoll il-prezzijiet tal-enerġija li għolew b’mod allarmanti, kawża tal-pandemija.
Is-sebgħa u għoxrin mexxej tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea qed jiddiskutu l-proposti li għamlet il-Kummissjoni Ewropea dwar dan is-suġġett il-ġimgħa li għaddiet.
Fost dawn il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea hemm dik ta’ xiri konġunt ta’ fjuwil u l-approvazzjoni ta’ tnaqqis ta’ taxxi fuq ir-riżorsi li jintużaw biex tiġi ġġenerata l-enerġija.
Dan fil-kuntest li fil-bidu tax-xahar id-dieħel se jitlaqqa’ l-COP 26 fi Glasgow, li se jiddiskuti dan is-suġġett u t-tibdil fil-klima.
F’dan is-Summit, il-mexxejja qed jiddiskutu wkoll l-immigrazzjoni.
Il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, li dan se jkun l-aħħar Summit tal-Kunsill Ewropew għaliha, ikkritikat il-mod kif qatt ma nstab proċess dwar il-politika Ewropea għall-immigrazzjoni.
Intant il-Prim Ministru Robert Abela ħa sehem f’laqgħa tal-mexxejja Soċjalisti, fejn qablu mal-proposti tal-Kummissjoni Ewropea dwar iż-żidiet fil-prezzijiet tal-kontijiet tal-enerġija madwar l-Ewropea.
Il-mexxejja Soċjalisti qablu wkoll li s-sitwazzjoni tas-saltna tad-dritt fil-Polonja hija waħda tat-tħassib.