Fis-Summit tal-Kunsill Ewropew, li huwa maqsum fuq jumejn, is-sebgħa u għoxrin mexxej Ewropew qablu fuq ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mar-Renju Unit.
F’dan is-summit qed jieħu sehem ukoll il-Prim Ministru Robert Abela.
Il-Mexxejja Ewropej qablu li l-perjodu ta’ transizzjoni jibqa’ sal-aħħar ta’ din is-sena, filwaqt li qablu wkoll li l-Unjoni Ewropea se jibqa’ jkollha l-aħjar relazzjonijiet mar-Renju Unit, kemm fix-xenarju ta’ ftehim u anke jekk ikunx maqbul ftehim.
Il-mexxejja Ewropej qablu sabiex in-negozjatur ewlieni għal Brexit f’isem l-Unjoni Ewropea Michel Barnier ikompli bin-negozjati matul il-ġimgħat li ġejjin.
Il-mexxejja Ewropej għamlu wkoll appell lill-Gvern Ingliż biex jagħmel l-almu tiegħu ħalli jintlaħaq ftehim.
Fuq l-aġenda f’dan is-summit hemm ukoll il-tibdil fil-klima, fejn il-mexxejja Ewropej qed jiddiskutu l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li sal-2050, l-kontinent Ewropew ikun ħieles mill-karbonju. Iżda dwar dwar dan m’hemmx qbil bejn il-mexxejja Ewropew, b’dan is-suġġett se jkun diskuss waqt iċ-ċena ta’ filgħaxija. Il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, trid li dan il-qbil isir sa Diċembru li ġej sakemm jispiċċaw is-sitt xhur tal-Presidenza Ġermaniża.
Matul il-jum tal-Ġimgħa, il-mexxejja Ewropej mistennija jkomplu b’dan is-Summit, fejn se jiddiskutu r-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-kontinent Afrikan, fejn se tkun diskussa l-immigrazzjoni.
Intant, waqt li l-mexxejja Ewropej kienu qed jiddiskutu l-aħħar żviluppi dwar Brexit, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursola Von Der Leyen kellha titlaq ‘il barra mis-Summit hekk kif wieħed mill-ħaddiema tagħha ttestja fil-pożittiv għall-COVID-19.
Aktar kmieni, qabel dan is-Summit Ewropew il-Prim Ministru Robert Abela pparteċipa f’laqgħa tal-Partit tas-Soċjalisti Ewropej fejn iddiskutew l-aġenda ta’ dan is-summit.