Il-mexxejja kollha Ewropej qablu dwar ftehim għajnuna addizzjonali lil Ukrajna ta’ €50 biljun. Dan parti mir-reviżjoni tal-baġit Ewropew sal-2027, li jinsab fuq nett tal-aġenda tas-summit tal-mexxejja Ewropej.
Ħabbar dan fuq il-midja soċjali, il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel. Dan waqt li qed isir is-Summit Speċjali tal-Kunsill Ewropew, li qed isir fi Brussell u fost oħrajn hemm preżenti l-Prim Ministru Malti Robert Abela.
F’din il-kitba huwa sostna li l-Unjoni Ewropea qed tmexxi ’l quddiem biex tgħin lill-Ukrajna.
Dan il-ftehim importanti sar wara laqgħa bilaterali li saret bejn il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u l-Prim Ministru Ungeriz Viktor Orban.
Preżenti għal din il-laqgħa bilaterali u importanti għal dan is-summit kien hemm il-President Franċiż Emmanuel Macon, il-Kanċillier Ġermaniż Olaf Scholz u l-Prim Ministru Taljan Giorgia Meloni.
Dan is-summit sar fi sfond li fl-aħħar Summit tal-Kunsill Ewropew li għadda, f’Diċembru li għadda, il-Prim Ministru Orban ma qabilx dwar dan il-pakkett ta’ fondi lill-Ukrajna. Dwar dan il-ftehim ried ikun hemm l-approvazzjoni tal-membri stati kollha tal-Unjoni Ewropea.