Fi Brussell il-Prim Ministru Robert Abela kellu diversi laqgħat bilaterali tul il-jum. Fosthom mal-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel, kif ukoll mal-Prim Ministri tal-Iżvezja, ir-Rumanija, il-Kroazja u l-Bulgarija.
Dawn kienu fost numru ta’ laqgħat bilaterali li mexxejja Ewropej kellhom fi gruppi żgħar bejniethom hekk kif kienet diffiċli li jintlaħaq ftehim dwar il-Fond ta’ Rkupru mill-Covid-19. Il-baġit Ewropew li mistenni jkopri sal-elfejn sebgħa u għoxrin ukoll kien fuq l-aġenda.
Fuq il-midja soċjali l-Prim Ministru Abela qal li Malta se tibqa’ tinsisti fuq kompromess ġust għall-irkpru mill-Covid-19. Il-mexxejja Ewropej ipparteċipaw f’laqgħat bilaterali bejniethom tul il-jum hekk kif kienet posposta sessjoni plenarja tal-lum.
Il-Mexxejja kellhom jiddiskutu fost l-oħrajn kemm minn dan il-fond ta’ rkupru se jingħata f’self lill-pajjiżi, ir-riformi ekonomiċi u fis-suq tax-xogħol, u kundizzjonijiet tas-saltna tad-dritt li għandhom jiġu imposti fuq l-Ungerija u l-pajjiżi tal-Lvant.
Il-plenarja kienet mistennija tibda għall-ħabta ta’ nofsinhar iżda din kienet posposta u kien biss għall-ħabta tas-7 ta’ filgħaxija li l-mexxejja tal-membri stati ltaqgħu għall-ewwel darba kollha f’daqqa fil-jum tal-Ħadd għal laqgħa informali.