Fi Brussell illejla se jerġgħu jiltaqgħu l-Mexxejja tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea biex jiddeċiedu dwar min se jkunu l-persuni li jieħdu l-karigi ewlenin tal-istituzzjonijiet Ewropej għall-ħames snin li ġejjin. Dan b’sistema kemmxejn ikkumplikata li trid tieħu kont tal-familji politiċi tal-kandidati, il-pajjiżi li ġejjin minnhom u anke l-ġeneru.
L-għażliet iridu jsiru wkoll skont it-triq li l-Unjoni Ewropea trid taqbad għaż-żmien li ġej. Il-mexxejja diġà ltaqgħu ftit tal-jiem ilu u kontra x-xewqa tal-President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Donald Tusk, ma waslux għal ftehim.
Fl-aħħar ġimgħat kienu bosta l-ismijiet li ssemmew fil-midja u li skont rapporti qegħdin fit-tiġrija għall-President tal-Kummissjoni Ewropea. Fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew il-Partit Popolari Ewropew ressaq ‘il quddiem isem Manfred Weber bħala l-spitzenkandidat. Sistema li biha l-Partiti Ewropej jipproponu li jekk jirbaħ il-partit, il-kandidat tagħhom ikun awtomatikament l-għażla għall-Kummissjoni Ewropea.
Waqt li kien qed jiddiskuti s-suġġett ma’ numru ta’ MEPs il-Ħadd, il-President Tusk semma wkoll lis-Soċjo-Demokratiku Frans Timmermans għal din il-kariga, kif ukoll lill-Kummissarju Margrethe Verstager.
Fl-aħħar sigħat ħarġu rapporti dwar arranġamenti ġodda li jista’ jkun hemm anke għax l-ikbar pajjiżi tal-Unjoni Ewropea kienu qed jiltaqgħu il-Ġappun għas-summit tal-G20 u hemm iddiskutew x’jista’ jsir. S’issa jidher li m’hemm xejn ċert u sakemm jibdew jiltaqgħu l-mexxejja xejn ma jista’ jkun eskluż.