Fi Brussell illejla se jerġgħu jiltaqgħu l-Mexxejja tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea fejn iridu jiddeċiedu dwar min se jkunu l-persuni li jieħdu l-karigi ewlenin tal-istituzzjonijiet Ewropew.
Dan b’sistema li ħafna qed jintebħu kemm hi kkumplikata għax trid tieħu kont tal-familji politiċi li ġejjin minnhom dawk papabbli, il-pajjiżi li ġejjin minnhom u anke l-ġeneru. L-għażliet li jsiru huma għall-ħames snin li ġejjin u jridu jsiru wkoll f ’kuntest ta’ fejn wieħed irid li l-Unjoni Ewropea timxi għaż-żmien li ġej. Il-mexxejja diġa’ ltaqgħu ftit tal-jiem ilu u kontra x-xewqa tal-President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Donald Tusk, ma waslux għal ftehim.
Għalhekk il-laqgħat se jkollhom jissoktaw illejla bit-tama li jkun hemm xi żblokk. Fl-aħħar ġimgħat kienu bosta l-ismijiet li ssemmew fil-midja u li skont rapporti qegħdin fit-tiġrija għall-President tal-Kummissjoni Ewropea. Fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew il-Partit Popolari Ewropew ressaq ‘il quddiem l-isem ta’ Manfred Weber bħala l-spitzenkandidat. Sistema li biha l-Partiti Ewropew jipproponu li jekk jirbaħ il-partit il-kandidat tagħhom ikun awtomatikament l-għażla għall-Kummissjoni Ewropea.
F’dan il-proċess il-Partit Soċjalista Ewropew preżenta lill-Kummissarju Ewropew Frans Timmermans u l-liberali lill-Kummissarju Margrethe Verstager. Peró jirriżulta li dan hu proċess li mhux kulħadd jaqbel miegħu anke għaliex ma joħroġx mit-trattat tal-Unjoni Ewropea, bit-trattat huwa ċar ukoll dwar is-sehem tal-Kunsill f ’din l-għażla.
Fl-aħħar sigħat ħarġu rapporti dwar arranġamenti ġodda li jista’ jkun hemm anke għax l-ikbar pajjiżi tal-Unjoni Ewropea kienu qed jiltaqgħu il-Ġappun għas-summit tal-G20 u hemm iddiskutew x’jista’ jsir. Kien hemm rapporti li qalu li saħansitra qed ikun ikkunsidrat Timmermans għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea. Iżda, minn rapporti oħra jirriżulta li sa issa m’hemm xejn ċert u sakemm jibdew jiltaqgħu l-mexxejja llejla donnu xejn ma jista’ jkun eskluż.
Li hu żgur hu li issa ż-żmien qed jgħafas bil-Parlament Ewropew għandu skedata l-ewwel sessjoni plenarja tiegħu għal din il-ġimgħa. Oriġinarjament kien maħsub li f ’din is-sessjoni jittieħed ukoll ilvot fuq il-President tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdid.