Fil-Veneżwela l-kriżi politika tkompli tippersisti dan hekk kif Juan Guaidó, li sejjaħ lilu nnifsu bħala l-President tal-pajjiż ma laqax it-talba tal-President Nicolás Maduro biex jiltaqgħu.
Sa issa Guaidó ġie rikonoxxut bħala President interim mill-Istati Uniti, l-Kanada u bosta pajjiżi fl-Amerka Latina.
Fl-istess waqt il-mexxejja ta’ Franza, il-Ġermanja u Spanja taw ultimatum lil Maduro biex isejjaħ elezzjoni inkella huma jirrikonoxxu lil Guaidó.
It-toroq fil-kapitali Caracas jinsabu maħnuqa bin-nies jipprotestaw kontra Maduro li reġa’ nħatar bħala President ftit ilu b’elezzjoni li diversi osservaturi sostnew li kienet imbagħbsa.
Il-ġuħ, il-faqar, in-nuqqas tal-mediċini u r-rata għolja tal-inflazzjoni kollha huma fatturi li qed iġiegħlu lin-nies jipprotestaw bil-qawwa kontra l-Gvern ta’ Maduro.
Eluf ta’ nies oħra telqu mill-pajjiż wara li sostnew li s-sitwazzjoni fil-Venezwela hija ħażina ħafna.
Sa issa l-armata għadha qed tappoġja lil Maduro iżda għad hemm inċertezza kbira ta’ x’se jiġri fil-Veneżwela.