Fiċ-Ċimiterju Nisrani ta’ Dubaj is-Sibt filgħodu sar il-funeral tal-Prof. Joseph Muscat-Baron, il-Professur Malti tal-mediċina Interna u tal-Kardjoloġija li kien fuq quddiem biex, mis-snin 70 ‘il quddiem, dan l-Emirat eċċella fil-qasam tal-mediċina.
Il-Prof. Muscat Baron kien irrispettat ħafna mill-Familja Rjali ta’ Dubaj, tant li l-Viċi President u Prim Ministru tal-Emirati Għarab Magħquda u Mexxej ta’ Dubaj, Mohammed Bin Rashid Al Maktoum, esprima pubblikament, fuq il-midja soċjali, id-dieqa tiegħu għall-mewt tiegħu. Huwa ddeskrivih bħala tabib ta’ ispirazzjoni li s-servizzi mediċi tiegħu messew il-ħajjiet ta’ bosta nies. Kiteb ukoll li l-Professur Malti se jibqa’ dejjem imfakkar għal dak li kien jaf kif ukoll għall-mogħdrija u d-dedikazzjoni tiegħu. “Tabilħaqq, kien wieħed mill-ħafna qlub solidali ta’ Dubaj,” irrimarka l-Mexxej tal-Emirat.
Il-Prof. Joseph Muscat-Baron twieled fl-1934 f’Malta, fejn ħa l-ewwel edukazzjoni medika tiegħu. Fl-1960, huwa emigra lejn ir-Renju Unit, fejn kompla jistudja u ħadem fis-servizzi tas-Saħħa għal 17-il sena. Imbagħad, huwa mar l-Emirati Għarab Magħquda fl-1977 u sar il-kap tal-Mediċina Ġenerali fl-Isptar Rashid ta’ Dubaj, dipartiment li waqqfu hu stess u li llum jispeċjalizza fil-kardjoloġija, fil-pnewmoloġija, u fil-gastroenteroloġija, fost l-oħrajn. uHH
Għall funeral attendew qrabatu, ħbiebu, u studenti tal-mediċina, li fl-Emirati biss il-Prof. Muscat Baron ħarreġ 1,500 minnhom. Fuq il-paġna taghha tal-Facebook, l-Ambaxxatriċi Maltija għall-Emirati Għarab Magħquda, Maria Camilleri-Calleja, qalet li l-komunità Maltija fl-Emirati se tħoss ħafna n-nuqqas tal-Prof Muscat-Baron, għax kien irrispettat bil-kbir. Hija kkummentat li kien bix-xieraq li jingħata ġieħ lil dan il-Malti li ta ħafna kull fejn kien fid-dinja.