Il-mexxej tal-Partit Laburista Ingliż, Jeremy Crobyn, sfida lil dak li se jkun il-mexxej il-ġdid tal-Partit Konservattiv biex jagħmel referendum ieħor qabel ma l-Ingilterra toħroġ mill-Unjoni Ewropea. Huwa qal li l-Partit Laburista jikampanja favur li jibqgħu.
Corbyn qal li l-Partit se jkun qed jieħu din il-pożizzjoni biex iwaqqaf il-possibiltà ta’ no deal jew Brexit li jkun ta’ ħsara għall-pajjiż. Huwa jinsab kawt dwar il-pjanijiet tiegħu jekk jirbaħ l-elezzjoni ġenerali, però, uħud mill-membri tal-Partit isostnu li hu għandu jieħu l-pożizzjoni favur li l-Ingilterra tibqa’ fl-Unjoni Ewropea fi kwalunkwe ċirkustanza.
F’ittra lill-membri, Corbyn qal li min se jkun elett bħala Prim Ministru, għandu jkun kunfidenti biex iħalli lill-poplu Ingliż jerġa’ jiddeċiedi, filwaqt li sostna li l-Partit Laburista se jkun qed jieħu l-pożizzjoni ta’ favur li jibqgħu fl-Unjoni Ewropea.
Din id-deċiżjoni ttieħdet sabiex ma jkomplux jagħmlu ħsara lill-ekonomija Ingliża u s-suq tax-xogħol. Din l-aħbar segwiet laqgħa li saret illum bejn il-kelliema tal-oppożizzjoni tal-Partit Laburista, kif ukoll laqgħa li saret ilbieraħ mat-trade unions.