Messaġġi ta’ kondoljanzi, ħasda u rakkonti ta’ tifkiriet qed jimlew il-paġni ta’ Facebook u mezzi oħra tal-midja soċjali dwar il-mewt traġika ta’ Christa Formosa ta’ tlieta u għoxrin sena tard is-Sibt filgħaxija.
Christa mill-Iklin mietet ftit tas-sigħat wara li kienet involuta f’inċident ikrah tat-traffiku kmieni is-Sibt filgħodu wara fi Triq Għajn Rihana f’Burmarrad meta tilfet il-kontroll tal-karozza, qabdet il-bankiena, qaċċtet siġra u baqgħet dieħla f’arblu.
L-aħbar tal-mewt tagħha tard ilbieraħ filgħaxija nxterdet fuq il-midja soċjali bħal leħħa ta’ berqa u kienu bosta l-ħbieb tal-qalb tagħha li fuq il-midja soċjali esprimew id-dieqa tagħhom dwar din l-aħbar waqt li taw il-kondoljanzi tagħhom lill-qraba ta’ Christa li hija l-ewwel vittma tat-toroq Maltin għal din is-sena.
“Dan il-messaġġ huwa għalik daqslikieku qed taqrah inti. Taf li aħna la konna ta’ ħafna posts u l-anqas ta’ ħafna ritratti fuq Facebook imma issa ladarba ħallejtni nixtieq nuri lil sħabna, sħabek u nies li kellmuni minn kullimkien biex jkunu jafu xi tfajla b’qalb speċjali kont u kemm kont furtunata li konna ħbieb tal-qalb u ninħabbu daqslikieku aħwa”, kitbet Gillian Barbara.
“Ilni lejl niċċassa u nħares lejn il-mobile nistenna xi messaġġ mingħandek u tgħidli li kollox ħa jkun sew. Ma nistax inniżżilha li ħallejtni hawn meta sa din il-ġimgħa stess konna qed niddiskutu fuq il-ħruġ tas-sajf u fuq il-ġejjieni ta’ ħajjitna u fuq jekk hux ħa nibqgħu nagħmlu make up la nkunu anzjani”, qalet Gillian waqt li kompli tirrakkonta esperjenzi u memorji sbieħ dwar ħajjet Christa.
Ħabiba oħra tal-qalb irrakkontat kif kienu joħolmu flimkien dwar il-jum tat-tieġ, l-iljieli li qattgħu flimkien u l-jiem ta’ studju li kellhom l-Università. Sostniet li bħalissa qed tgħix ħolma kerha u li qatt f’mitt sena ma setgħet timmaġina li se jseħħ dak li ġara.
Kienu bosta oħra li sostnew li se jibqgħu jiftakru lil Christa għat-tbissima ġenwina tagħha, għall-qalb tad-deheb li kellha u l-karattru ferrieħi tagħha. Sostnew ukoll kif se jibqgħu jiftakruha bħala tfajla determinata u li dejjem tkellmet b’passjoni dwar il-qasam soċjali li kienet gradwat u bdiet taħdem fih.
Id-Dipartiment tal-Politika u l-Ħidma Soċjali fl-Università ta’ Malta esprima wkoll d-dieqa tiegħu għall-mewt ta’ Christa li kienet ħaddiema soċjali.