Waqt konferenza bit-tema, ‘Il-Fondi tal-UE f’Malta – Ħarsa Lura u ‘l Quddiem’, rappreżentanti ta’ għaqdiet mhux governattivi, kunsilli lokali, entitajiet governattivi u negozji, kellhom iċ-ċans jiddiskutu aspetti marbuta mal-użu tal-fondi Ewropej f’Malta. B’mod partikolari, ġie diskuss x’seta’ sar aħjar fis-snin li għaddew u x’tagħlimiet joħorġu mill-esperjenza tas-snin kemm ilha Malta tibbenefika mill-fondi tal-UE.
Dan bil-għan li titfassal it-triq ‘il quddiem biex fid-dawl tan-negozjati fl-UE dwar it-tqassim tal-baġit tal-unjoni għas-snin 2021-2027, Malta tieħu l-aqwa ftehim possibli.
Il-Kap tal-MEUSAC Mandy Falzon tat eżempji konkreti ta’ individwi u organizzazzjonijiet li permezz ta’ ‘l fuq minn 30 programm ta’ fondi differenti, implimentaw eluf ta’ proġetti ffinanzjati sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej.
F’dan il-kuntest, Mandy Falzon żiedet tgħid li hu ta’ sodisfazzjon kbir li kull sena l-MEUSAC toffri l-għajnuna lil iktar minn 80 organizzazzjoni biex tapplika għall-fondi Ewropej u b’hekk, organizzazzjonijiet li m’għandhomx ir-riżorsi, il-ħin u l-ħiliet meħtieġa, jibbenefikaw mill-għajnauna bla ħlas tal-MEUSAC biex ħafna proġetti jitwettqu b’suċċess.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia qal li filwaqt li pajjżna hu eżempju għal pajjiżi oħra fejn jidħol l-immaniġġjar tal-fondi Ewropej, jeħtieġ li fil-programm ta’ fondi bil-baġit Ewropew li jmiss, 2021-2027, pajjiżna għandu joħroġ mill-‘comfort zone’ li ilu fiha sa mill-ġurnata ta’ sħubija. Dan billi niffukaw iktar fuq il-ħiliet tal-poplu Malti u ninvestu iktar f’oqsma bħall-ambjent u l-bidla fil-klima.
“Fejn sal-passat riċenti konna komdi niffukaw biss ir-riżorsi umani biex inħaddmu b’għaqal il-fondi li pajjiżna jieħu, fil-biċċa l-kbira minnhom fondi mill-politika ta koeżjoni, issa jeħtieġ inkunu ippożizzjonati biex nirbħu fondi Ewropej diretti li għalihom irridu nikkompetu ma’ pajjiżi oħra,” qal Aaron Farrugia.
Is-Segretarju Parlamentari Farrugia qal li se jkompli bil-pjan ta’ ċentralizzazzjoni fejn l-entitajiet kollha li jmissu mal-fondi Ewropej imxew taħt is-segretarjat immexxi minnu. B’hekk, issa rridu naħdmu b’għaqal biex l-entitajiet jikkumplimentaw lil xulxin. Il-MEUSAC għandha rwol importanti li tinforma u tippromwovi skemi ta’ fondi Ewropej għal kull settur u kull entità, inklużi negozji u entitajiet governattivi, filwaqt li tassisti fl-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ kunsilli lokali, kunsilli reġjonali u NGOs.
Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis qal li pajjiżna kellu rekord li assorba l-fondi Ewropej kollha, u dan jawgura tajjeb biex inġibu pakkett aktar b’saħħtu għall-perjodu 2021-2027. Dan bil-għan li nsostnu t-tkabbir ekonomiku tagħna, noħolqu niċeċ ekonomiċi ġodda filwaqt li ntejbu l-ħiliet tal-ħaddiema tagħna.
Il-Ministru Zammit Lewis tkellem dwar l-importanza li nressqu l-Unjoni Ewropea aktar lejn il-poplu Malti u Għawdxi. F’dan ir-rigward, tenna l-impenn tal-ministeru li jfisser aktar is-suċċessi miksuba bil-fondi Ewropej u d-differenza pożittiva li qed tirriżulta fil-ħajja tan-nies.