Il-Core Group tal-MEUSAC iddiskuta d-‘Dokument ta’ Riflessjoni dwar it-tisħiħ tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja’ tal-Kummissjoni Ewropea. Dan hu wieħed minn serje ta’ dokumenti ppubblikati mill-Kummissjoni fl-aħħar xhur, maħsuba biex iniedu proċess wiesgħa ta’ riflessjoni u dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa.
Fid-diskors tagħha, il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli, tkellmet dwar l-importanza li l-membri kollha tal-Core Group tal-MEUSAC jipparteċipaw fid-diskussjoni dwar il-futur tal-Ewropa minħabba li d-deċiżjonijiet li jittieħdu fl-Unjoni Ewropea (UE) jaffettwaw b’xi mod jew ieħor il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini.
Waqt li tkellmet dwar id-dokument ta’ riflessjoni dwar l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, Dr Dalli qalet li issa għandna dokument li jippreżenta diversi proposti għat-triq ’il quddiem għall-UE sal-2025. Hi rreferiet għad-diskors tat-13 ta’ Settembru mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker dwar l-Istat tal-UE li matulu ppreżenta diversi proposti fosthom il-ħatra ta’ Ministru Ewropew għall-Ekonomija u l-Finanzi. Dr Dalli rrimarkat ukoll li d-diskussjonijiet fi ħdan il-Core Group tal-MEUSAC huma importanti fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-Kunsill tal-UE għall-Affarijiet Ġenerali.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u d-Djalogu Soċjali Aaron Farrugia rrefera għall-importanza tad-diskussjonijiet fi ħdan il-MEUSAC, b’mod partikolari f’dawn iż-żminijiet meta jeżistu pożizzjonijiet diverġenti dwar il-futur tal-UE.
Id-Direttur fil-Ministeru għall-Finanzi s-Sur Ivan-Carl Saliba, waqt li ppreżenta l-proposti ewlenin tad-dokument ta’ riflessjoni dwar l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, qal li waħda mill-proposti li qegħdin jiġu diskussi hija l-ħolqien ta’ Fond Monetarju Ewropew minflok il-Mekkaniżmu ta’ Stabbiltà Ewropew – istituzzjoni finanzjarja internazzjonali mwaqqfa mill-Istati Membri taż-żona ewro biex pajjiżi taż-żona ewro fi problemi finanzjarji kbar jingħataw l-għajnuna meħtieġa. L-għan tal-fond il-ġdid ikun li l-Istati Membri li jsellfu l-flus jieħdu d-dividendi lura. Is-Sur Saliba tkellem ukoll dwar il-proposta ta’ skema ta’ assigurazzjoni Ewropea għad-depożiti, li tħares id-depożiti fil-banek u t-twaqqif ta’ fond ieħor imsejjaħ ‘Rainy Day Fund’ għal meta jinqalgħu kriżijiet fil-futur.
Waqt il-laqgħa, membri tal-Core Group tal-MEUSAC tkellmu dwar punti relatati mas-sistemi tat-taxxi u l-proposta ta’ votazzjoni fil-Kunsill tal-UE b’maġġoranza kwalifikata dwar materji fiskali.
Fil-bidu tal-laqgħa, il-Kap tal-MEUSAC Dr Vanni Xuereb, irrefera għat-twaqqif tal-MEUSAC bħala aġenzija governattiva bil-għan li jissaħħaħ il-proċess ta’ Ewropejizzazzjoni tal-pajjiż. Dan il-proċess għandu jwassal għat-tisħiħ tal-konsultazzjoni fejn jidħlu materji relatati mal-UE, fosthom billi fil-Core Group twessgħet ir-rappreżentanza bis-sehem ta’ membri tal-kumitat tal-parlament nazzjonali għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, membri tal-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni tal-UE u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.