Matul l-aħħar erba’ sessjonijiet ta’ diskussjoni pubblika li saru b’mod virtwali organizzati minn MEUSAC, l-aspett soċjali tal-Unjoni Ewropea tpoġġa fuq nett tal-aġenda.
Id-diskussjoni ffukat fuq kif l-Unjoni Ewropea, waqt li taħdem favur ekonomiji reżiljenti, ma tħallix min jaqa’ lura, biex fil-kuntest tal-Pilastru Ewropew għad-Drittijiet Soċjali, is-soċjetà Ewropea tkun tassew soċjetà ġusta u ekwa li tpoġġi l-bniedem fiċ-ċentru u l-bażi ta’ dak kollu li jsir.
Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela qal li l fatt li l-pajjiż kiber fid-dħul ekonomiku tiegħu dan seta’ jkun ta’ kontribut sabiex ikompli jonqos il-faqar.
Semma wkoll in-nuqqas ta’ qgħad li esperjenza pajjiżna anke matul iż-żmien tal-pandemija għal ħames xhur konsekuttivi.
Il-Ministru Abela stqarr: “Mentri s-sitwazzjoni f’pajjiżi oħra hija li l-qgħad bl-eluf u ċetu każi anke miljuni sfortunatament allura importanti li l-ħaddiema tagħna jkollhom serħan il-moħħ permezz tax-xogħol. Jista’ jkun hemm min qed isofri minn tnaqqis fil-kundizzjonijiet tagħhom li huwa tnaqqis fil-kundizzjonijiet b’mod temporanju però importanti li aħna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex il-ħaddiema jibqgħu impjegati ħalli b’hekk nkomplu nikkontribwixxu għall-ekonomija ta’ pajjiżna.”
B’mod virtwali ngħaqdet il-Membru Parlamentari Ewropej Josianne Cutajar fejn spjegat kif fir-Rapport tal-Parlament Ewropew dwar l-istrateġija tan-negozji ż-żgħar u medji, ġew imbuttati ‘l quddiem aspetti soċjali differenti inkluż l-importanza tat-taħriġ u li jiġu eliminati l-ostakli li jeżistu għan-nisa fil-qasam imprenditorjali.
Min-naħa tiegħu l-Kap tad-Delegazzzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew, Dr Alfred Sant tkellem dwar l-importanza tal-Pilastru Soċjali Ewropew u enfasizza l-ħtieġa li jiġu integrati aspetti soċjali fil-politika ekonomika tal-Unjoni Ewropea. Tkellem ukoll dwar l-importanza ta’ politika komuni Ewropea dwar is-saħħa u qal li din saret iktar relevanti b’mod partikolari fil-kuntest tal-effetti tal-pandemija tal-Covid-19.