Il-qtil li kellna fl-aħħar snin spikka l-iktar mhux għax kien f’rati ikbar minn ta’ snin oħra, iżda għax il-metodu li ntuża kien wieħed li jispikka. Din il-konklużjoni ta’ rapport dwar il-kriminalità f’pajjiżna s-sena li għaddiet li janalizza fid-dettall ix-xejriet kriminali f’pajjiżna.
“Filwaqt li l-omiċidji li ġraw ħadu preċedenza fil-midja, dan ma kienx ibbażat fuq il-volum, iżda fuq il-metodu għax in-numri kienu inqas mill-medja f’dawn l-aħħar għaxar snin. Il-metodu tal-isplużjonijiet wassal għal tħassib u sejħa ikbar biex ikun hemm mitigazzjoni,” jgħid ir-rapport.
Meta għamel il-preżentazzjonijiet tiegħu, il-kriminologu li kitbu, il-Professur Saviour Formosa, qal li pajjiżna jibqa’ wieħed sikur iżda mingħajr dubju hemm realtajiet li pajjiżna mhux eskluż minnhom.
Ir-rapport juri kif kien hemm 17,298 rapport. Żieda minima ta’ 160 każ kriminali rrapportat fuq is-sena ta’ qabel li f’persentaġġ huwa ta’ 0.9%. Dan huwa tnaqqis meta mqabbel mal-medja ta’ 3% li kienu qed jiżdiedu kull sena. “Għal darb’ oħra ż-żieda kienet assorbita minn fenomenu wieħed fil-kategorija tas-serq. Fenomenu li kiber b’ħames darbiet mill-2009 u b’21% mill-2015,” jgħid ir-rapport dwar reat li dwaru kien hemm 2,447 rapport.
It-tieni reat l-iktar irapportat kien dak tal-vjolenza domestika li reġgħet żdiedet b’7%. Xi ħaġa li tista’ tkun attribwita anke għall-fatt li din hi xi ħaġa li dwarha qed titqajjem iktar kuxjenza.
Mitlub jikkumenta dwar dan ir-rapport il-Ministru għall-Intern qal: “Is-sigurtà nazzjonali hija prijorità tant li l-investiment fil-Forzi Armati f’tagħmir tal-aħħar teknoloġija tela’ għal €75 miljun f’dawn l-erba’ snin. Avvanz militari rekord li ra l-wasla ta’ tliet helicopters b’night vision għas-sorveljanza tal-fruntieri Maltin mill-ajru.
Fl-iskwadra Marittima, inbniet faċilità moderna għal titjib f’operazzjonijiet ta’ salvataġġ filwaqt li s-sigurtà tal-art issaħħet b’19-il vettura militari. Is-sigurtà interna ngħatat spinta b’investimenti fil-Korp tal-Pulizija. Sar ix-xiri ta’ 40 karozza ġdida għal iżjed rondi għal ħarsien tal-komunità u sistemi ta’ intelliġenza li jsaħħu l-id tal-investigaturi. It-tisħiħ fir-riżorsa umana ukoll għen, fejn fl-aħħar erba’ snin saru reklutaġġi fl-erba’ Korpi Dixxiplinati f’daqqa ta’ madwar 1,000 persuna.
B’hekk in-numru ta’ pulizija stazzjonati fid-distretti jlaħħaq l-1,000 persuna u l-Protezzjoni Ċivili għandha 170 membru għall-assistenza iżjed effiċjenti f’sejħiet ta’ emerġenza. Grazzi għall-opportunitajiet fit-taħriġ kontinwu kemm Malta bit-twaqqif tal-Akkademja għal Korpi Dixxiplinati u barra ’l pajjiż f’materja speċjalizzata, il-membri qed jiżviluppaw il-ħiliet meħtieġa biex joffru servizz ta’ sigurtà aħjar liċ-ċittadini ta’ dan il-pajjiż u lil dawk li jżuruna.”
FIĊ-ĊELLA
Il-persuni l-ħabs irreġistraw tnaqqis konsistenti mill-2012 meta dakinhar inqabeż l-ammont ta’ 600 resident. Però minkejja dan, ir-rapport xorta waħda jinnota li l-ħabs huwa mimli b’numru għoli ta’ residenti. F’Diċembru tal-2016 kien hemm 553 resident fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Minnhom 516 kienu rġiel u 37 kienu nisa. Dan hu inqas mir-rekord ta’ April 2014 meta kien hemm 645 resident li minnhom 607 kienu rġiel u 38 kienu nisa.
META?
Il-perjodu bejn April u Awwissu baqa’ l-iktar wieħed li matulu jkunu rrapportati każi kriminali, bi tnaqqis ikun innotat bejn Diċembru u Jannar. Is-Sibt, segwit mill-Ħadd baqa’ l-iktar jum li jiġbed inċidenti għal tliet snin wara xulxin. L-iktar li jiġru offiżi hu bejn l-għaxra u s-sagħtejn ta’ waranofsinhar u s-sitta ta’ filgħaxija.
NUMRI MIR-RAPPORT LI JIĠBDU L-GĦAJN
- Is-serq jagħmel 51%tal-offiżi kollha rrapportati lill-pulizija, minn dawn il-pickpocketing jagħmel 14%, żieda ta’ 2% fuq is-sena ta’ qabel li kienet diġà rekord.
- Każi ta’ ħsara fuq il-ġisem niżlu għal 901fl-2016, li tfisser tnaqqis ta’ 3% fuq is-sena ta’ qabel. Però din xorta tibqa’ rata ta’ 5 każi kull ġurnata.
- Il-frodi esperjenza żieda ta’6% fuq is-sena ta’ qabel. Żieda konsistenti li qed tkun irreġistrata ta’ kull sena.
- Ir-reati kriminali marbuta mal-kompjuter niżlu bi 23%mqabbel mas-sena ta’ qabel.
- Il-vjolenza domestika kompliet tiżdied biex laħqet l-1,272każ fl-2016. Bejn l-2008 u l-2016 kien hemm żieda ta’ 450 rapport fin-numru ta’ rapporti. Żieda ta’ 183%.
- L-offiżi sesswali naqsu b’10%fuq is-sena ta’ qabel.
- Il-vjolenza domestika fuq uffiċjali pubbliċi żdiedet b’5%.
- Theddid u vjolenza pubblika naqsu bi 11%is-sena li għaddiet, anke jekk mill-2008 dejjem żdiedu sena wara sena.
- Is-serq mir-residenzi żdiedu bi 12%meta mqabbel mal-2015 fejn kienu rrapportati 552 każ.