Rapport tal-Awditur Ġenerali dwar l-ismart meters ikkonferma li l-kontijiet tal-ARMS dejjem inħadmu pro-rata.
“Din il-prattika kienet approvata mir-Regolatur. Dan ir-rapport sab li kontijiet maħduma skont din il-metodoloġija ġeneralment kienu korretti,” qal l-Awditur Ġenerali fi stqarrija ppubblikata mar-rapport.
Fir-rapport, l-Awditur Ġenerali qal li minn rapporti oħrajn, jista’ jikkonferma li kien hemm varjanza bejn il-metodoloġija attwali tal-kontijiet u l-metodu annwalizzat.
Fit-tieni każ, il-kontijiet jinħadmu billi l-konsum jitqies fuq sena skont il-massimu ta’ units u eko-kontribuzzjoni li jintużaw f’dan il-perjodu.
Fil-fatt, l-analiżi tal-Awditur turi li s-sena l-oħra, 46% u 63% tat-total tal-kontijiet li ġew studjati, tad-dawl u tal-ilma rispettivament, ma kellhomx varjanza sinifikattiva.
Fil-fatt din kienet t’anqas minn żewġ ewro fis-sena, waqt li l-varjanzi ferm aktar sinifikattivi kienu dovuti għal dawk li kkunsmaw b’mod qawwi.
L-Awditur Ġenerali innota wkoll li filwaqt li jista’ jkun hemm lok għal bidliet fil-liġi li tirregola dawn il-kontijiet, wieħed irid joqgħod attent kif jagħmel dan għax ikun qed jirriskja li jżid il-kontijiet ta’ eluf ta’ konsumaturi l-iktar bil-għaqal.
Xi ħaġa li tikkonferma dak li qal il-Gvern fl-aħħar ġimgħat meta qal li dikjarazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista kienu jfissru li se jkun hemm eluf ikollhom żieda fil-kontijiet tal-enerġija.
L-Awditur innota l-impenn tal-Gvern li jtejjeb is-sistema mingħajr ma jaffettwa l-ħadd ħażin.
L-Awditur Ġenerali nnota wkoll li fid-diskors riċenti tal-Budget, il-Gvern impenja ruħu li jindirizza l-kwistjonijiet relatati mal-metodoloġija tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Żied jgħid li f’dan ir-rigward, dan l-uffiċċju jħoss li huwa importanti li nżommu quddiem għajnejna l-prinċipju fundamentali li min iniġġeż għandu jħallas, li huwa stipulat fl-Artiklu 191 tat-Trattat dwar il-mod ta’ kif tiffunzjona l-Unjoni Ewropea.