Determinat, ċajtier u nebbiexi li kien iħobb ħafna t-tim tal-Inter.
Hekk kien deskritt Ryan Paul Tonna mill-kollegi tiegħu li b’dieqa kbira fuqhom iddeskrivew il-mumenti li qattgħu flimkien kemm bħala kollegi kif ukoll bħala ħbieb. Ryan Paul Tonna, pulizija u missier ta’ tifel ta’ ħames snin, miet fl-Italja wara li faga fl-ikel.
L-eks spettur Herman Mula li fil-passat kien jaħdem ma’ Ryan fl-iskwadra ta’ kontra droga kellu biss kliem ta’ tifħir fuq il-ħidma b’reqqa li kien jagħmel il-Kuntistabbli.
Mula jiftakar lil Tonna meta ddeċieda li jbiddel l-istil ta’ ħajja biex jibda jitħarreġ fl-atletika ħalli jikkompeti fil-maratoni.
“Kulħadd lanqas ried jemmen, meta filli konna noqgħodu nagħmlu l-competitions meta mmorru nieklu min se jerbaħlu billi jiekol aktar minnu, filli f’daqqa waħda kollox bil-qies, kollox bl-eżatt iġib l-ikel miegħu. Dik kienet amirabbli ħafna u ovvjament aħna, meta kont għadni fil-pulizija u nitkellmu ma rekluti jew pulizija għadhom żgħar li forsi ma jkollhomx dik il-grinta jitnrenjaw konna nsemmu lilu bħala wieħed mill-eżempji klassiċi ta’ persuna illi bidlet il-lifestyle tagħha għal aħjar.”
L-Ispettur Oriana Spiteri ftakret fiż-żmien li kienu jaħdmu flimkien, fejn ftit tas-snin ilu bkew flimkien minħabba t-telfa ta’ ħabib tagħhom fl-istess żminijiet. Qalet li l-isport żammew qrib ta’ xulxin.
“Kien beda jiġri u jien kont bdejt niġri allura konna nagħmlu ħin twil nikkumentaw u nibgħatu messaġġi lil xulxin fuq ġiri, ħwejjeġ u nutrition. Kien ħabib ta’ vera.”
Kollega ieħor tal-mibki Tonna qalilna li hu ma kienx jitlef opportunità biex jiġbed saqajn sieħbu biz-zekzik fuq il-futbol.
“L-Iktar li niftakru ovvjament għal futbol. L-inter kont narahom litterlament biex naqbad miegħu, imma hu kien jgħamilli agħar, ħafna agħar. Malli tispiċċa tal-Juventus u jkun hemm riżultat ħażin kont nitfiħ il-mobile għax ma kontx neħles minnu”
Meta ħarġet l-aħbar li ħasdet lil kulħadd, l-istess persuni li kien jiddibatti magħhom dwar il-futbol biddlu r-ritratt tal-profil tagħhom bl-arma tal-Inter bħala turija ta’ rispett lejn seħibhom li l-memorja tiegħu tibqa’ anki jekk bħalissa l-morr għeleb il-ħlewwa.