Il-membri tal-Partit Nazzjonalista fuq il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi kienu esposti dwar kemm il-kelma tagħhom fl-istess laqgħat hi waħda li ma tiswa xejn.
Fil-fatt, marru lura minn kelmthom dwar ftehim li min xehed diġà dwar il-kuntratt tal-Electrogas fl-aħħar leġiżlatura, ma jerġax jitla’ jixhed.
Is-Segretarju Parlamentari u l-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista Andy Ellul, innota kif il-membri tal-Oppożizzjoni bidlu l-fehma għax donnu hemm min qed jiġbed l-ispag tal-Oppożizzjoni.
Għal dan ilmenta d-deputat David Agius. Iżda, ftit wara li Agius ilmenta dwar il-kummenti ta’ Ellul, id-deputat Nazzjonalista Darren Carabott uża l-istess raġuni li biha Repubblika sejħu protesta fil-Belt Valletta biex Konrad Mizzi jerġa’ jintalab jixhed.
Kien hawn li d-deputat Glenn Bedingfield ġab fix-xejn l-argumenti tal-Oppożizzjoni hekk kif dak li qed jgħidu li kien sigriet, fil-fatt ma kien sigriet xejn.
Bedingfield spjega kif il-ftehim għas-sigurtà tal-provvista kien diġa’ għand l-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali.
Filwaqt li d-dibattitu tkompla, il-membri tal-Gvern qalu li ma kellhomx diffikultà li Mizzi jerġa’ jixhed iżda se jassiguraw li l-ftehim tal-ewwel laqgħa jinżamm fil-konfront ta’ xhieda oħra.
Id-deputati Alex Muscat u l-Ministru Clayton Bartolo għamlu wkoll referenzi speċifiċi ta’ kif id-deputati tal-Partit Nazzjonalista marru lura minn kelmthom.