Fl-10:15 ta’ dalgħodu l-President tar-Repubblika George Vella se jkun qed jippresiedi fuq il-ġurament tal-ħatra tal-membri l-ġodda tal-Kabinett, wara t-tibdil imħabbar nhar is-Sibt li għadda mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Dan se jkun qed isir ukoll qabel, fl-4:00 ta’ waranofsinhar, illum jirritorna l-Parlament wara l-vaganzi tal-festi.
Il-Kabinett il-ġdid Laburista se jara, fost l-oħrajn, lil Chris Bonett isir Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi wara li fl-aħħar sentejn serva bħala Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej.
Minbarra hekk, se jiġu introdotti għall-ewwel darba fil-Kabinett, id-deputati Omar Farrugia, Malcolm Paul Agius Galea u Glenn Bedingfield bħala Segretarji Parlamentari.
Waqt li ħafna Ministri żammew l-istess portafoll li kellhom qabel it-titbdil tas-Sibt li għadda, oħrajn se jkollhom dekasteru mibdul jew estiż.
Fost dawn hemm il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, li taħt ir-responsabbiltà tiegħu issa għandu wkoll l-Ippjanar, u l-Ministru Miriam Dalli, li minbarra l-Ambjent u l-Enerġija, li diġà kellha, se tassumi wkoll ir-responsabbiltà tar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir.