Il-membri kollha fl-assoċjazzjonijiet tal-kannabis huma kollha nies li ilhom snin jagħmlu użu mill-kannabis u, b’din ir-riforma, ma kienx hemm membri li bdew jagħmlu użu mill-kannabis għall-ewwel darba.
Dan intqal f’laqgħa ta’ informazzjoni lill-ġurnalisti, li ġiet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Rebecca Buttigieg, u l-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon.
Hawnhekk tħabbar lin minn nhar l-Erbgħa, l-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis, l-ARUC, se tibda kampanja edukattiva dwar l-liġi tal-użu tar-responsabbli tal-kannabis.
Il-Kap Eżekuttiv tal-ARUC, Leonid McKay, spjega li din il-kampanja se tagħti wkoll informazzjoni dwar il-harm-reduction tal-kannabis lil dawk li jagħmlu użu minnha.
Ġie spjegat dwar il-labelling ta’ kull prodott mill-assoċjazzjonijiet, li hu kollu simili u li fuqu hemm it-twissijiet u anke t-tabella li tiċċertifika li l-kannabis hi kkultivata f’pajjiżna.
McKay spjega li l-awtorità sal-lum ħarġet seba’ liċenzji għall-assoċjazzjonijiet, li tlieta minnhom diġà qed joperaw b’mitejn u ħamsin membru f’kull assoċjazzjoni.
“Qed naraw li matul l-aħħar xhur kellna persuni li jistaqsu u kien hemm ħafna miżinformazzjoni, hemm ħafna persuni li ma fehmux biżżejjed il-liġi u allura l-awtorità, flimkien ma’ Sedqa, qed tara li twieġeb għal ċertI mistoqsijiet, fosthom ‘Fejn nista’ npejjep il-kannabis?’, ‘Nista’ nbiegħ il-kannabis li jien għandi għalija personali?’. U allura fuq diversi midja se nagħtu din l-informazzjoni.”
Waqt din is-sessjoni ta’ informazzjoni, kien hemm il-Manager għas-Servizzi Preventivi fi ħdan is-Sedqa, Jareth Grima, li spjega li, fl-aħħar ħames snin, l-aġenzija għamlet bosta kampaniji mifruxin fl-iskejjel kollha Primarji, Sekondarji u anke fuq il-postijiet tax-xogħol.
Ġie spjegat li, s-sena skolastika li għaddiet, il-kampanja edukattiva laħqet aktar minn tlettax-il elf student, kemm tal-Primarja u tas-Sekondarja. Ma’ dawn ukoll kien hemm kampanja fuq il-midja soċjali, li tilħaq lil bosta żgħażagħ u adulti.
“Il-focus tagħna se jkun aktar fil-post-secondary interventions, fil-postijiet tax-xogħol biex min għadu ma bediex, ma jibdiex juża, imma naturalment hemm ukoll min diġà beda juża u allura nedukawh kif jista’ juża aħjar biex iħares is-saħħa u s-sigurtà tiegħu. Fl-aħħar mill-aħħar, il-programmi tagħna jvarjaw biex jagħtu aktar ħiliet biex nistgħu nkampaw f’dawn is-sitwazzjonijiet u biex ikollna l-iktar informazzjoni koretta u sostenibbli.”
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg sostniet li hu ta’ sodisfazzjon li Malta kienet l-ewwel pajjiż li daħħlet din il-liġi responsabbli u hemm pajjiżi oħrajn, fosthom il-Ġermanja, li qed isegwu l-liġi lokali.
“Ix-xogħol tal-Gvern u tal-awtorità li jagħmlu kampanji ta’ edukazzjoni ħalli kulħadd jifhem l-għanijiet tal-liġi u aktar minn hekk nassiguraw li jkun hemm l-informazzjoni korretta fil-pubbliku. Għaldaqstant, il-ħidma tagħna, bħala Gvern, se tkompli biex nassiguraw dawn ir-riformi kuraġġużi, dawn id-drittijiet ċivili ġodda u aktar minn hekk, l-interessi tal-pubbliku inġenerali.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Michael Falzon sostna li l-Gvern Malti hu kommess fuq il-prevenzjoni mis-sustanzi, kemm dawk li għandhom x’jaqsmu mas-sustanzi u anke mal-alkoħol, daqskemm fil-kura li tingħata bla ħlas.