Nhar is-Sibt li ġej hija okkażjoni fejn ħafna familji jieħdu xi ftit tan-nifs. Għal ħafna, se jimmarka tmiem il-perjodu ta’ eżamijiet u l-ewwel jum ta’ btajjel għat-tfal. Il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa flimkien ma’ Candy Rush Group Mellieħa ħasbu f’attività oħra bl-isem Festa Familja, b’risq il-Malta Community Chest Fund.
Mis-sitta ta’ filgħaxija ‘l quddiem, il-familija tista’ tgawdi minn ikel bnin, wirjiet bil-karozza, wirjiet tal-kant, żfin u talenti oħra, fil-park tal-familja f’Selmun. Il-grupp Candy Rush se jkun qed jarma għodda li t-tfal jieħdu ħafna gost bihom, bħal ngħidu aħna bouncy castles.
Kif jixhed is-suċċess tas-sena li għaddiet, il-konkorrenza tkun sabiħa u tkun okkażjoni perfetta kemm għall-għaqda komunitarja u anke għal nies li mhumiex mir-raħal biex igawdu s-sbuħija li taf toffri l-Mellieħa.