Il-kumpanija tat-telekomunikazzjoni Melita ħabbret li bosta klijenti f’Ħaż-Żabbar, fiż-Żurrieq u fl-Imqabba qed jesperjenzaw qtugħ fis-servizzi wara li saret ħsara f’cable fil-Marsa.
Fi stqarrija, il-kumpanija qalet li l-ħsara saret l-Erbgħa waranofsinhar waqt xogħlijiet b’rabta mal-proġett tal-Junction tal-Marsa.
Il-kumpanija qalet li se tkun qed issewwi l-cable bejn nofsillejl u s-sigħat bikrin tal-Ħamis filgħodu. Qalet li matul dawn is-sigħat, il-klijenti fil-lokalitajiet tan-Nofsinhar ta’ Malta se jesperjenzaw qtugħ fis-servizz tat-televiżjoni, tal-internet, tat-telefonija fissa u tal-mobile.
Il-kap eżekuttiv tal-kumpanija qal li l-ħaddiema qed jagħmlu l-almu tagħhom biex jirranġaw il-ħsara fl-iqsar ħin possibbli.