Il-kumpanija Melita Italia Srl., sussidjarja ta’ Melita Limited, operatur tat-telekomunikazzjoni bbażat f’Malta, se tibda tipprovdi servizzi ta’ gigabit internet fl-Italja minn April li ġej. Immexxija minn Riccardo Ruggiero, li kien Kap Eżekuttiv ta’ Telecom Italia, Melita Italia se tuża n-netwerk tal-Open Fiber fl-Italja biex għall-ewwel fażi tipprovdi servizzi f’Katanja, Palermo, Milan u Napli. Sa l-aħħar tal-2021, il-kumpanija qed tippjana li tespandi s-servizzi lejn iżjed minn 30 belt u 3,000 punt tal-bejgħ. Se jinħolqu ukoll 100 impjieg ġdid, li l-biċċa l-kbira minnhom se jkunu bbażati fin-nofsinhar tal-Italja.
Sa mill-bidunett, din il-kumpanija l-ġdida se tkun qed twassal innovazzjoni lill-klijenti tal-internet fl-Italja, kemm f’ dak li hu customer care kif ukoll rigward il-prodott. Wara t-tnedija Ewropea tas-servizz tal-WiFi għad-dar bl-isem ta’ Plume li saret mill-Melita f’Malta fl-2018, il-klijenti ta’ Melita Italia se jsiru t-tieni grupp fl-Ewropa li se jibbenefikaw mill-pakkett ta’ servizzi Plume. Dan jipprovdi aċċess għal servizz ta’ l-internet personalizzat fid-dar. Is-sħubija fi Plume tinkludi Adaptive WiFiTM, HomePass® b’aċċess għal min ikun qed iżur dik id-dar, kontrolli aktar avvanzati lill-ġenituri, kif ukoll l-app u s-SuperPods ta’ Plume. Dawn kollha flimkien jitgħallmu u jaddattaw skont il-ħtiġijiet ta’ dik id-dar biex b’hekk jagħmlu l-WiFi aktar veloċi, aktar sigur u aktar affidabbli.
Harald Roesch, Kap Eżekuttiv ta’ Melita Limited, qal: “Dan hu kapitlu importanti għal Melita, negozju li wara li żviluppajnieh f’Malta issa qiegħed jespandi fi swieq ġodda. Filwaqt li n-negozju ewlieni tagħna se jibqa’ hawn Malta, l-Italja qed toffrilna opportunità eċċellenti ta’ tkabbir hekk kif miljuni ta’ djar jiksbu aċċess għall-Open Fiber network. Bil-ħiliet tat-tim tagħna f’Malta – fejn aħna minn ta’ quddiem fl-innovazzjoni tas-servizzi tal-internet – kif ukoll bl-esperjenza li Riccardo u t-tim tiegħu għandhom tas-suq Taljan, il-futur tal-Melita f’Malta u fl-Italja hu wieħed tajjeb ħafna.”
Riccardo Ruggiero, President Eżekuttiv ta’ Melita Italia, qal, “Melita għandha opportunità kbira biex tikber fl-Italja. Dan hekk kif in-netwerk tal-internet tas-super fast fibre tal-Italja jidħol f’fażi ta’ tkabbir mgħaġġel. Flimkien mal-Open Fiber, ninsab ħerqan ħafna għal din l-isfida ġdida u interessanti.”