Melita Data Centre se jesebixxi l-faċilità u n-netwerk mill-aktar avvanzati tiegħu fl-ICE London, il-wirja internazzjonali ta’ soluzzjonijiet għan-negozju għall-industrija tal-gaming. Matul l-avveniment, Melita se tenfasizza l-aktar fuq kif is-saħħa tal-multisite hosting u r-reżiljenza tan-netwerk tal-fibra tal-internet tagħha jistgħu jwasslu għal tkabbir u sigurtà għall-kumpaniji tal-gaming. ICE London se ssir fl-ExCeL London bejn il-5 u s-7 ta’ Frar 2019.
Malcolm Briffa, id-Direttur tas-Servizzi għan-Negozju ta’ Melita Limited, qal, “L-industrija tal-gaming kellha rwol importanti fl-ekonomija ta’ Malta f’dawn l-aħħar snin. Fost il-fatturi ewlenin għas-suċċess ta’ pajjiżna biex jattira din l-industrija hemm is-saħħa li għandha l-infrastruttura tal-komunikazzjoni tagħna. Bl-aqwa faċilità li jista’ jkollok fil-qasam tal-hosting li tinsab fil-Madliena, b’netwerk internazzjonali reżiljenti u b’konnettività tal-fibra ddedikata madwar Malta, Melita tibqa’ l-għażla ovvja għal soluzzjonijiet ta’ telekomunikazzjoni għal kull negozju tal-gaming li qed ifittex li jirriloka lejn Malta jew li jikber f’pajjiżna. ICE London hi ukoll pjattaforma ideali biex Melita tħabbar it-tnedija ta’ faċilità oħra tagħha fl-Imrieħel, biex b’hekk noffru soluzzjoni ta’ multi-site lill-klijenti tal-gaming tagħna.”
Il-Melita Data Centre, mibni fuq struttura skont l-ispeċifikazzjonijiet ta’ Livell III, hu l-unika faċilità mibnija apposta u hi ukoll l-akbar waħda tax-xorta tagħha f’Malta. Il-faċilità u s-servizzi tagħha huma ċċertifikati b’ISO / IEC 27001:2013 kif ukoll għandhom iċ-ċertifikat ta’ PCI-DSS. Diġà jospitaw brands tal-gaming ewlenin regolati mill-Awtorità Maltija dwar il-Logħob (MGA). Dan iċ-ċentru magħżul b’mod strateġiku u li hu mifrux fuq medda ta’ art ta’ aktar minn 10,000 metru kwadru, hu bini solitarju li jinsab fuq art għolja.
Hu mistenni li madwar 30,000 uffiċjal fl-industrija li jieħdu d-deċiżjonijiet u ġejjin minn aktar minn 100 pajjiż se jattendu l-ICE London. Dan l-avveniment se jkun l-akbar laqgħa ta’ fornituri ta’ soluzzjonijiet għas-setturi kollha tal-industrija tal-gaming fid-dinja. Apparti mill-wirja, se jkun hemm serje ta’ seba’ konferenzi dwar it-tema tal-avveniment. Il-konferenzi se jiffukaw fuq; Il-kriminalità fuq l-internet u s-Sigurtà, l-Isport elettroniku, il-Casinos, L-Immodernizzar tal-Lotteriji, il-World Regulatory Briefing, ir-Reklamar u l-Marketing, u l-Intelliġenza Artifiċjali.